“Mort id-dar ta’ Joseph u għedtlu li se nirriżenja” – Schembri dwar meta Fenech beda jimplikah

Aqra wkoll

Is-seduta ta’ nhar l-Erbgħa fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għalqet b’mumenti ta’ tensjoni kbira, hekk kif il-Prosekuzzjoni temmew il-kontroeżami tagħhom tal-eks Chief of Staff tal-Kastillja, Keith Schembri, wara jum sħiħ ta’ xhieda dwar allegazzjonijiet ta’ kompliċità, telf ta’ apparat, u r-relazzjoni tiegħu mal-akkużat Yorgen Fenech.

L-aktar mument drammatiku tal-ġurnata seħħ lejn tmiem is-seduta, meta l-Prosekutur Godwin Cini saqsa lil Schembri għaliex Fenech beda jimplikah fil-qtil wara li qabel kienu bkew u għannqu flimkien. Schembri waqaf qabel ma wieġeb: “Ma implikanix mill-ewwel. Nieqaf hemm.” Dan il-kumment wassal għal oġġezzjoni minnufih mid-difiża, bl-avukat Charles Mercieca jallega li x-xhud kien qed jipprova jwassal lill-ġurati jispekulaw dwar affarijiet li ddeċidiet il-Qorti stess.

L-Imħallef Edwina Grima ħarġet lill-ġurati minnufih, laqgħet l-oġġezzjoni, u mar-ritorn tagħhom ordnatilhom biex jħassru dawk il-mistoqsijiet u tweġibiet minn moħħhom. Fl-aħħar mistoqsija tal-prosekuzzjoni, Schembri spjega li meta sar jaf b’dawn l-akkużi mar dritt għand l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, offra r-riżenja tiegħu li giet aċċettata, u mar lura id-dar.

Dwar l-allegazzjonijiet diretti moqrija mill-istqarrijiet tal-pulizija ta’ Fenech, li l-pjan tal-qtil oriġina minn Schembri u li kien hu li qallu biex “imexxi”, Schembri ċaħad kollox b’mod kategoriku fl-awla, billi wieġeb ripetutament: “Le, le, le. Żgur li le.”

Huwa ċaħad ukoll li qatt ma ltaqa’ ma’ Muscat fejn kien hemm dubji dwar Melvin Theuma u insista li d-deċiżjoni dwar il-maħfra presidenzjali lil Theuma kienet ttieħdet kompletament minn Joseph Muscat personalment. Schembri saħansitra esprima l-opinjoni personali tiegħu li hu stess ma kieku kien għalih ma jagħti l-ebda maħfra lil Theuma, kumment li dwaru l-Imħallef tfakkru li ma kienx hemm bżonn l-opinjoni personali tiegħu.

Iktar kmieni fis-seduta, il-Qorti semgħet dettalji dwar il-mument li fih Schembri sar jaf bl-involviment ta’ Fenech. Schembri ammetta li waqt konverżazzjoni privata fejn Fenech kien tah x’jifhem li kellu x’jaqsam mal-qtil, u hu “iffriża” u għannqu mingħajr ma qal xejn aktar.

Schembri deskriva dan bħala l-akbar żball fil-karriera tiegħu li ma marx dritt għand il-Prim Ministru dak il-ħin stess. Mistoqsi dwar messaġġi li fihom kien iħeġġeġ lil Fenech biex “jiġġieled” u jkun “aggressiv” lejlet l-arrest tiegħu, Schembri sostna li kien biss qed jipprova jneħħilu d-disprament mill-qalb, għax kien jaf li Fenech kellu dahru mal-ħajt u li hu kien eżawrixxa kull mod legali u politiku li seta’ biex jgħinu.

Il-prosekuzzjoni kkonfrontat lil Schembri ukoll dwar dokument ta’ ħames paġni b’noti miktuba bl-idejn li allegatament kien ingħata lit-tabib Adrian Vella biex jgħaddih lil Fenech waqt li kien fuq police bail. Schembri saħaq li qatt ma ra dak id-dokument qabel ma uriehulu l-pulizija u li lanqas ma nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu fuqu.
Dwar il-mowbajl tiegħu li sparixxa fl-istess filgħodu tal-arrest tiegħu fl-2019, Schembri spjega li l-aħħar darba li ntuża fil-5:03am kien għadu fis-sodda u li saħansitra saru tfittxijiet mit-tekniċi u mill-pulizija iżda l-apparat ma nstaba mkien.

Dwar it-tfittxija li sar f’daru, Schembri ammetta li kien hemm Neville Gafà preżenti matul it-tieni tfittxija bħala ħabib tal-familja u li l-apparat kollu li ma ġiex elevat kien jappartjeni lill-qraba tiegħu u lin-nanny u mhux lilu. Schembri spjega ukoll li kien iżomm fajl bl-artikli kollha li kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia matul is-snin għax kienu iweġġgħuh u jaffettwaw lill-familja tiegħu, filwaqt li qal li llum għadu jitlob għaliha. Meta kien mistoqsi fejn jinsab dan il-fajl illum, Schembri wieġeb u qal: “Naħseb li qattajtu bl-is shredder.”

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

Yorgen Fenech qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Giannella De Marco, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.
L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.
L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport