Wednesday, October 9, 2024

Il-by law ġdida tnaqqas il-problema ta’ xorb fit-toroq ta’ San Pawl

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’intervista mal-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, dan is-sit reġa’ ta ħarsa lejn il-problema kbira tax-xorb fit-toroq li ilha tippersisti għal snin sħaħ f’din il-lokalità. Xahrejn wara li ġiet fis-seħħ il-by law ġdida li ppropona dan iż-żagħżugħ stess, inħarġu għadd ta’ multi, it-tlajjar naqas b’mod speċjali fit-toroq prinċipali u n-nies qegħdin iħossuhom aktar komdi jimxu fiż-żoni milquta. Zarb, li proprju minħabba din l-inizjattiva sofra tgħajjir u theddid kemm personalment kif ukoll fuq il-midja soċjali, jgħidilna li għalkemm kien hemm persuni li rreaġixxew b’mod negattiv għax “draw jixorbu fit-toroq”, ir-residenti u oħrajn laqgħu bi ħġarhom dan l-infuzar għas-sigurtà u l-paċi ta’ kulħadd.

Carlos Zarb, minkejja li għad għandu 19-il sena, huwa prova ta’ kemm l-età m’għandhiex x’taqsam mal-kapaċità li wieħed jagħmel differenza pożittiva fis-soċjetà. Barra r-responsabbiltà ta’ Viċi Sindku tal-akbar Kunsill f’Malta, xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ, volontarjat u dekasteri oħra, kien huwa li b’entużjażmu u determinazzjoni ħareġ bil-proposta u ġiet attwata bħala by law li twaqqaf milli jkun hemm tlajjar minn gruppi ta’ nies jixorbu l-alkoħol fit-toroq f’San Pawl il-Baħar u fl-inħawi tal-madwar.

Lokalità b’42 kulturi differenti

Elett fil-Kunsill fl-2019, Carlos Zarb kien diġà sab ma’ wiċċu din il-problema bil-konsegwenzi kollha li ġġib magħha. “San Pawl il-Baħar m’għadux li kien. Meta tikber il-popolazzjoni, ovvjament tikber il-kriminalità u jikbru l-isfidi tagħha. Din il-lokalità għandha d-diffikultajiet tagħha. Biss biss, tospita 42 kulturi differenti u din waħidha diġà hija sfida. Dan minħabba li għandek nies ta’ fehma u użanzi differenti,” spjega dan il-Viċi Sindku.

Dan l-akbar Kunsill f’Malta, b’popolazzjoni ta’ 32,000 persuna u eluf ta’ turisti li jilqa’ fis-sajf, jiġbor fih iż-żoni ta’ San Pawl il-Baħa, Bugibba, Qawra, Burmarrad, Xemxija, Wardija, l-Imbordin, San Martin u parti mill-Bidnija. “L-isfida ma ddejjaqnix. Li jdejjaqni huwa li l-Kunsill, għal ċerti afffarijiet, jiddependi minn ħaddieħor fosthom l-infuzar. Biex iżżomm il-liġi u l-ordni għandek bżonn numru ta’ nies. Bħala Kunsilliera qegħdin 13 bis-Sindku b’kollox. Aħna l-akbar lokalità f’Malta fejn qbiżna lil B’Kara u mbagħad fis-sajf jiżdiedu anke t-turisti. Filwaqt li dawn tal-aħħar iħallu l-flus fl-ekonomija tagħna, fil-lokalità jġibu wkoll l-isfidi tagħhom,” sostna Zarb.

Huwa qal li l-ħsieb ta’ din il-by law għaddih lis-sindku ftit xhur wara li kien ġie elett, eżattament f’Novembru tal-2019. Is-Sindku, il-kunsilliera u mbagħad f’kumitat apposta, iddeċidew li ssir din il-liġi u nbeda l-proċess. Il-by law kontra l-itlajjar ta’ gruppi jixorbu alkoħol fit-triq f’din iż-żona, ġiet fis-seħħ fil-bidu ta’ Ġunju li għadda.

Imblukkar ta’ toroq, imġieba antisoċjali, periklu u ġlied…

Mistoqsi kif intlaqgħet din il-by law, Zarb qalilna li ħafna persuni mil-lokalità qablu magħha, “però persuni minn barra naħseb li ma fehmux il-kunċett u l-bżonn tagħha. Kelli ħafna tgħajjir personali u anke fuq il-midja soċjali fejn qaluli li jien faxxist, komunist u injorant. Qaluli li għandi problemi bl-alkoħol u għalhekk qiegħed nagħmel din il-by law”. 

Min-naħa l-oħra b’sodisfazzjon dan iż-żgħażugħ semma’ li kellu wkoll min inkoraġġih u rringrazzjah għax jemmnu li din il-by law hija meħtieġa f’din il-lokalità partikolari. Zarb qal li, “kumment li laqatni ħafna kien minn persuna li qalli li kkonvinċejtu kemm l-età m’hiex ta’ importanza biex jinħolqu affarijiet ġodda.”

Din is-sitwazzjoni kienet mifruxa ma’ żoni differenti li jaqgħu taħt il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar. Il-Viċi Sindku spjega kif problema bħal din għandha żewġ konsegwenzi – dik li persuni jġibu ruħhom b’mod antisoċjali meta jinġemgħu u jimblokkaw it-toroq u t-tieni sseħħ wara, meta l-persuna tant tkun xurbana li tintilef minn sensieha u jibda l-inkwiet. 

“Hemm minnhom li jinġemgħu f’toroq prinċipali u dan iwassal għal periklu kemm għax-xufiera meta taqsmilhom bl-addoċċ xi persuna xurbana, kif ukoll periklu għal dik il-persuna li tkun qiegħda tixrob meta din taqbad taqsam aljenata. Wara hemm konsegwenzi agħar meta persuna tant tkun xorbot li tintilef minn sensieha. Hawn ikun hemm vandaliżmu fit-toroq, ħsara fuq il-karozzi u mar-residenzi, kif ukoll għajjat u ġlied,” kompla l-Viċi Sindku. 

Dan il-ġlied kien wieħed mill-konsegwenzi kbar li kellhom  bħala Kunsill u Zarb sostna li, “kienu qegħdin jitħalltu ħafna kulturi differenti li jkollhom diżgwid bejniethom li jirriżulta fi vjolenza”.

Apparti minnhekk, l-aktar ħaġa li affettwat lil dan il-Kunsill kien l-effett negattiv fuq ir-residenti minħabba inkonvenjza għall-pubbliku meta kien ikun hemm sitwazzjonijiet fejn in-nies ma kienux jistgħu jorqdu bl-istorbju, isofru vandaliżmu fuq il-bibien tagħhom u saħansitra kien hemm min kisser pjanti.

Ibbuljar u biżgħa fuq persuni vulnerabbli

Mistoqsi x’kienet ir-reazzjoni tal-persuni li jixorbu fit-triq Zarb ammetta li kien hemm min irreżista u din ma kinitx sitwazzjoni li seħħet ta’ darba jew tnejn. “Kien ikun hemm gruppi ta’ 30 persuna li ta’ kuljum imorru jixorbu fit-toroq, jgħajtu, jagħmlu l-istorbju u anke xi drabi jittantaw lin-nies. Illum b’wiċċi ‘l quddiem ngħid li fejn kien ikun hemm gruppi bħal dawn, issa jistaħbew wara xi kantuniera. Dan xorta huwa ħażin, imma issa persuna tħossha aktar komda timxi f’dawn it-toroq prinċipali u dik turik is-sitwazzjoni gravi li konna fiha,” insista Zarb. 

Huwa qal li jaf personalment li fl-agħar żmien kien hemm ċerti residenti li kkonfrontaw lil dawn il-gruppi ta’ nies jixorbu fit-toroq iżda konsegwenza tar-ritaljazzjoni tagħhom, dawn spiċċaw iħabbtulhom fuq il-bieb u anke sgassawlhom fuq ġewwa. “Din”, spjega l-Viċi Sindku, “kienet sitwazzjoni ta’ bbuljar u biżgħa fuq persuni vulnerabbli”.

Min-naħa tiegħu huwa jixtieq li n-nies jikkoperaw iżjed ħalli jkun iffaċilitat aktar ix-xogħol tal-Pulizija  għax, “dawn fl-aħħar mill-aħħar qegħdin hemm għas-servizz tal-komunità imma dan ma jfissirx li għandna nagħmlulhom ħajjithom infern”. Huwa appella biex kulħadd jimxi skont ma titlob il-liġi għax bħala persuna dejjem emmen li, “biex ingawdi jiena m’għandix nimminima l-libertà ta’ ħaddieħor”.

Din hija problema kkawżata minn ftit minoranzi fil-konfront tal-maġġoranza. Kien hemm min qallu li, ‘minħabba fik ma nistax ingawdi flixkun birra’. Zarb qalilna li kien hemm min fi gruppi bejniethom hedduh b’mod aktar serju fejn l-aktar wieħed estrem kien li jisploduh. 

Min-naħa tiegħu huwa qal li, “mhux se noqgħod nieħu bis-serjetà kumment bħal dan u mmur l-għassa. Nifhem li fis-saħna tal-mument wieħed jgħid ċerti affarijiet. Din il-ħaġa kienu drawha iżda biex ingawdi jien, m’għandix intellef lil ħaddieħor. Jien nixrob flixkun birra, bħal kulħadd, iżda hemm postijiet apposta biex nagħmlu dan. M’għamilniex restrizzjonijiet bħal barra minn Malta għax ma nemminx li għandek taqbad u tagħlaq kollox, imma importanti ħafna li nipproteġu lir-residenti u jkunu komdi bla biżgħa. Dan huwa l-progress li għamilna,” sostna l-Viċi Sindku.

Is-sitwazzjoni llum u l-pjanijiet tal-futur…

Zarb qal li meta wieħed iqabbel il-hot spots li kellhom ftit tax-xhur ilu mal-ġurnata tal-lum, kien hemm progress kbir. Fost dawn isemmi Triq il-Pijunieri li kienet żona magħrufa u popolari fost il-klikek li kienu jinġemgħu jixorbu fit-triq. 

“Illum il-ġurnata bil-kemm tara lil dawn in-nies fuq il-post. Li qridnieha kompletament, le. Dan minħabba li n-nies imbagħad jibdew jinħbew ftit ‘il bogħod jew mal-kantunieri. Issa f’San Pawl il-Baħar għandna postijiet ġodda li qegħdin ifaqqsu imma mbagħad hawn tidħol l-għajnuna mingħand il-Pulizija li min-naħa tagħhom nafu li diġà ħarku xi persuni,” kompla l-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar. 

Dan iż-żagħżugħ spjega kif bil-għan li jqajmu għarfien tweħħlu tabelli li fihom miktub li jekk tinkiser il-liġi tingħata multa ta’ €70. “Nafu li ngħataw ħafna multi biex jonqos dan l-abbuż. Ftit ilu wkoll iltqajna ma’ tal-Community Policing, servizz li mistenni jibda f’Novembru li ġej. Bdew jiltaqgħu minn issa mal-istakeholders tal-lokalità, inkluż magħna bħala Kunsill,” ħabbar Zarb.

Xogħol il-Community Policing huwa li jkunu aktar viċin tar-residenti u li jieħdu taħt idejhom każijiet ta’ disturbanzi żgħar fil-lokalità minflok jiżdied il-piż fuq il-korp tal-Pulizija. Dan is-servizz mistenni jgħin biex il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tkun aktar faċli. 

Il-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar qalilna li b’kollox fiż-żoni li jaqgħu taħt il-Kunsill tagħhom se jkollhom 10 pulizija maqsuma fuq żewġ xifts. Dawn se jiltaqgħu mar-residenti u jibagħtu posters bl-ismijiet tagħhom u informazzjoni oħra. 

Għaldaqstant, “għalkemm xorta se tkun diffiċli għal dan il-kobor, dan is-servizz ġdid se jkun ta’ għajnuna kbira biex ikun hemm aktar infurzar. Il-Community Policing se jkollhom kuntatt dirett man-nies u nemmen li dan huwa pass kbir u importanti ħafna għal San Pawl il-Baħar,” temm Carlos Zarb.

“Kumment li laqatni ħafna kien minn persuna li qalli li kkonvinċejtu kemm l-età m’hiex ta’ importanza biex jinħolqu affarijiet ġodda” – Carlos Zarb, Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar

Sport