Monday, May 13, 2024

Il-clubs jivvutaw kontra ftehim ta’ sponsorship ta’ Newcastle

Aqra wkoll

L-ostilitá fost il-clubs tal-Premier League għat-teħid ta’ Newcastle United ġiet enfasizzata nhar it-Tnejn meta vvutaw permezz ta’ leġislazzjoni mfassla biex tipprevjeni lis-sidien Sawditi milli jsibu ftehim ta’ sponsorship ta’ qligħ massiv.

Newcastle għamluha ċara fil-laqgħa ta’ emerġenza tal-20 clubs kollha li huma kkunsidraw il-bidla fir-regola, li se tipprojbixxi temporanjament l-arranġamenti kummerċjali li jinvolvu relazzjonijiet ta’ negozju li kienu jeżistu qabel, bħala anti-kompetittivi.

Huma kienu rappreżentati minn Lee Charnley, id-direttur maniġerjali attwali, aktar milli Amanda Staveley, id-direttur u l-parti interessata ta’ minorita’, li issa hija responsabbli għat-tmexxija tal-club fuq bażi ta’ kuljum.

Huwa mifhum li Charnley għamilha ċara li l-club tiegħu kellu parir legali biex jgħid li l-emenda kienet illegali.

Iżda l-clubs komplew bil-vot u dan għadda bi 18-il vot favur u Newcastle biss kontra. Manchester City astjenew. Huwa maħsub li dawn għamlu dan fuq il-bażi ta’ parir legali li l-proċess kien illegali.

Is-City, li huma proprjeta’ tal-Abu Dhabi United Group, kellhom ftehimiet li huma magħrufa bħala transazzjonijiet ma’ partijiet relatati. Eżempju kien dak li ra lil Etihad Airways, it-trasportatur tal-gvern ta’ Abu Dhabi, jisponsorjahom.

Ħafna mill-clubs fil-Premier League huma nkwetati li s-sidien Sawdi ta’ Newcastle jistgħu jikkonkludu ftehimiet fir-Renju għani fiż-żejt li jista’ jagħtihom vantaġġ. Il-clubs iridu li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri preventivi li jew jipprevjenu dan jew jiżguraw li jitħallas il-valur ġust tas-suq.

Ir-regola se tkun fis-seħħ għax-xahar id-dieħel – u tapplika għall-20 club kol­lha – iżda ħafna minnhom iriduha jew xi ħaġa simili ssir karatteristika permanenti. Għandu jitwaqqaf grupp ta’ ħidma – li jinkludi sezzjoni trasversali ta’ clubs – biex tinvestiga liema bidliet, jekk hemm, għandhom isiru. Newcastle ġew mistoqsija jekk jixtiequx ikunu fuqha.

Il-Premier League diġa’ kien qed iħares lejn kwistjonijiet bħal dawn u jibqa’ involut f’investigazzjoni li ilha għaddejja dwar jekk is-City kisrux ir-regolamenti dwar il-Financial Fair Play. Iżda huma ċaħdu kwalunkwe għemil ħażin.

Wara t-teħid ta’ Newcastle, id-19-il club l-ieħor talbu laqgħa speċjali mal-Lega, u riedu jifhmu għaliex il-ftehim kien ġie ffirmat. Dik il-laqgħa saret bħal bieraħ tmint ijiem, b’xi clubs jattendu personalment fil-kwartieri ġenerali tal-Premier League f’Paddington u oħrajn ikkommunikaw permezz ta’ konferenzi bis-software.

Eżatt wara, id-19-il club iltaqgħu waħedhom biex jiddiskutu l-implikazzjonijiet finanzjarji li jkollhom is-Sawdi bħala kompetituri.

Dan wassal għall-abbozz   tal-projbizzjoni temporanja fuq tranżaz­zjonijiet ma’ partijiet relatati – Newcastle kienu se jkunu mgħarfa b’dan – u mbagħad għal-laqgħa tat-Tnejn.

Sport