Saturday, May 4, 2024

Tazza tad-Dinja 2030 – It-tamiet tar-Renju Unit u l-Irlanda għadhom ħajjin

Aqra wkoll

L-offerta tar-Renju Unit u l-Irlanda biex jospitaw it-Tazza tad-Dinja 2030 għadha “ma saritx duħħan” wara l-inkwiet li seħħ fil-finali tal-Euro 2020 bejn l-Ingilterra u l-Italja. Infatti l-Gvern Ingliż ikkommetta ruħu għal £2.8 miljuni biex isir studju fattibbli fuq l-offerta.

Nhar it-Tnejn l-Ingilterra ngħatat sospensjoni ta’ logħba bil-ground magħluq wara dak li seħħ fil-11 ta’ Lulju f’Wembley.

“Ma kinitx l-isbaħ siegħa tagħna bħala organizzaturi maġġuri ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali,” qal l-uffiċjal kap operattiv tar-Renju Unit, Simon Morton, lill-kumitat DCMS.

Waqt li tkellem waqt is-smigħ dwar avve­nimenti kulturali u sportivi kbar, huwa kompla: “Kien l-oppost ta’ dak li rridu li jinħassu avvenimenti sportivi kbar bħal dawn. Kien pjuttost xokkanti.

“Madankollu, ma naħsibx li jirrifletti kif dan il-pajjiż jorganizza avvenimenti sportivi kbar. Huwa serju ħafna iżda ma naħsibx li l-offerta tagħna saret duħħan.”

L-uffiċċju f’Downing Street insista li l-offerta għall-2030 kienet “qawwija ħafna” minkejja l-inkwiet ta’ Wembley.

Mistoqsi dwar l-impatt fuq l-offerta għall-2030, il-kelliem uffiċjali tal-Prim Ministru ammetta li “għandhom jittieħdu lezzjonijiet importanti” iżda żied: “Ir-reputazzjoni tagħna li nagħmlu avvenimenti sportivi ta’ klassi dinjija hija qawwija.”

Morton qal li qed jieħu inkoraġġiment mill-kummenti tal-president tal-UEFA, Alek­sander Ceferin, li x-xahar li għadda qal li l-inkwiet “ma jgħoddx kontra” l-offerta Ingliża u Irlandiża.

Morton qal li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni biex timxi ‘l quddiem b’offerta u kważi ċertament ma tkunx qabel ma jkun ċert x’inhi l-kompetizzjoni.

Huwa kkwota liċ-Ċina, offerta magħquda ta’ Spanja u l-Portugall, flimkien ma’ waħda mill-Amerika t’Isfel, kważi ċertament li tinvolvi lill-ospitanti tal-1930, l-Urugwaj bħala kandidati probabbli, għalkemm żied jgħid li “oħrajn x’aktarx joħorġu”.

Sport