Tuesday, December 24, 2024

Il-COVID-19 – Bniedem Ġdid?

Aqra wkoll

Minn BENNY BORG BONELLO

Il-bniedem salva u żviluppa għaliex dejjem adatta ruħu għall-ambjent li kien jgħix fih.

Il-virus COVID-19 ġab miegħu taqliba sħiħa kif ngħixu.  Peress li kien virus ġdid u ma konna nafu xejn dwaru ħlief li jista’ jwassal għall-mewt, kellna nieħdu miżur kbar li ġabu realta’ ġdida.  Ir-realta’ ma kienitx kullimkien l-istess għaliex kien hemm il-valuri fin-nofs u peress li l-pajjiżi m’għandhomx l-istess valuri, allura, mhux kulħadd mexa l-istess. 

Kien hemm dawk il-pajjiżi bħalna li taw importanza kbira lejn is-saħħa tal-bniedem u oħrajn, bħal l-Istati Uniti u l-Ingilterra li taw aktar importanza lejn l-ekonomija.  Din il-kontroversja ta’ bejn dawn iż-żewġ fatturi – is-saħħa u l-ekonomija – f’Malta reġgħet inqalet din l-aħħar ġimgħa meta tħabbru il-ftuħ ta’ aktar ħwienet u issa ir-resturanti.Dawn iż-żewġ realtajiet differenti ġabu taħwid f’moħħ ħafna nies għaliex f’moħħhom bdew ipinġu li is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija ma jistgħux jgħixu flimkien u l-bniedem irid jgħażel jew waħda jew l-oħra. 

Ir-realta’ hi differenti.  Dawn huma żewġ fatturi li jiddependu fuq xulxin.  L-ekonomija biex taħdem irid ikollha bnedmin b’saħħithom u is-saħħa tal-bniedem tiddependi fuq kemm l-ekonomija biex timxi ‘l quddiem.  Il-ħajja, u speċjalment il-kwalita’ tal-ħajja tal-bniedem, jiddependu kemm tikber l-ekonomija.  Meta l-ekonomija kienet batuta, il-ħajja tal-bniedem ma kienitx twila għaliex la stajna inżommu indafa u lanqas ma kellna mediċini barra li l-kwalita’ tal-ħajja kienet fqira ħafna. 

Biss għalkemm is-saħħa u l-ekonomija jimxu flimkien, irid ikun hemm bilanċ.  L-importanza li noħolqu bilanċ ħarġet ċar fil-COVID-19 għaliex l-effetti kienu kbar.  L-ammont kbir ta’ mwiet fi żmien daqshekk qasir juri l-importanza li nżommu dan il-bilanċ bejn l-ekonomija u is-saħħa.  Fejn inżamm bilanċ la in-nies u lanqas l-ekonomija ma sofrew daqs kemm sofrew pajjiżi oħra. 

Id-difikulta’ ta’ dawn il-pajjiżi li żammew dan il-bilanċ qed tqum issa għaliex irridu jiddeċiedu kif ser jinħallu minn din l-għoqda.  Bil-miżuri li konna ħadna ma nistgħux inkomplu serjrin bihom għal ħafna raġunijiet, minkejja li s’issa għadna ma sibniex mediċina li tieħu ħsieb dan il-virus.  Jekk nieħdu s-saħħa tal-bniedem ma nistgħux nibqgħu b’dawn ir-restrizzjonijiet għaliex il-bniedem hu annimal soċjali.  Minħabba dawn ir-restrizzjonijiet diġa’ qed naraw problemi mentali akbar.  Barra minhekk, jekk l-ekonomija tibqa’ magħluqa, fi żmien mhux daqstant ‘il bogħod, ma nkunux nistgħux insostnu is-saħħa tal-bniedem għaliex ma jkollniex riżorsi. 

Hu għalhekk li rridu nerġgħu niftħu l-ekonomija biex sew in-nies ikollhom il-liberta’ li jiċċaqilqu u jiltaqħu ma’ nies oħra u biex ikollna riżorsi biex insostnu is-saħħa u l-kwalita’ tal-ħajja tal-bniedem.  B’daqshekk ma jfissirx li kull m’għandna nagħmlu hu li nneħħu ir-restrizzjonijiet.  Irridu li meta nneħħu dawn ir-restizzjonijiet insibu modi kif xorta nipproteġu is-saħħa wkoll.  Il-lum li nafu aktar dwar dan il-virus fosthom kif jimxi minn bniedem għall-ieħor, nistgħu nħaddmu rasna u nsibu mezzi ġodda li niproteġu ruħna filwaqt li nkomplu mgħixu ħajja umana. 

Dan irridu nagħmluh, irridu u ma rridux, jekk irridu nsostnu il-bniedem.  Bħal ma meta l-ekonomija kibret ħafna biddilna kif ngħixu, llum irridu nsibu mgħod kif ngħixu f’din is-sitwazzjoni.  Irridu niftakru li bħal dan il-virus jistgħu jinqalgħu viruses u ċirkostanzi oħra li ser iġiegħeluna nbiddlu ħajjitna.  Il-bniedem salva u baqa’ ħaj sal-lum għax adatta ruħu għaċ-ċirkostanzi li sab dejjem quddiem wiċċu. 

Sitwazzjoni li żgur ser ikollna niffaċċjaw fi żmien qasir hi il-bidla fl-ambjent.  Hu stmat li sa ħmistax-il sena oħra, jekk ser nibqgħu sejrin kif konna, ser niffaċċjaw ambjent differenti bil-bosta aktar minn dak tal-lum.  Biss il-problema tal-ambjent, sa ċertu punt, qed turina kif għandna ngħixu.  L-ambjent mar lura minħabba l-ekonomija kif kibret.  Is-soluzzjoni mhix li noqtlu l-ekonomija iżda li, fil-każ tal-ambjent, niżviluppaw ekonomija ħadra biex filwaqt li nkabbru l-ġid, inħarsu wkoll l-ambent.

L-istess irridu ngħamlu fis-sitwazzjoni tal-lum.  Li rridu ngħamlu hu li naddottaw l-użanzi tagħna biex nippriżervaw il-ħajja bażika tagħna.  Din mhix xi għażla – dan irridu ngħamluh.  Aktar ma naddattaw il-ħajja tagħna għaċ-ċirkostanzi tal-lum, aħjar għal kulħadd, għax anqas inbatu. Din mhux xi ħaġa impossibli għax bħal ma l-bniedem adatta ruħu fil-passat, ma narax għaliex ma jistax jadatta ruħu illum meta tul iż-żmien żviluppa b’mod li kapaċi juża ħafna aktar riżorsi milli kien kapaċi fil-passat.

Is-saltna tad-dritt

Xi tfisser kullħadd jaqbel – li l-liġi tapplika għall-kullħadd.  Jekk għandniex napplikawha? – l-istess kullħadd jaqbel li ħadd m’għandu jkun ‘il fuq mil-liġi.  Kif għidna, meta nitkellmu dwarha kullħadd jaqbel xi tfisser.  Biss, dan japplika meta niġu għar-realta’?

Għalija ir-realta’ hi differenti.  Niftakar fl-ewwel każ li kien qajjimli dubji sħaħ fuq ir-realta’.  Kien fis-70ijiet meta l-Gvern Laburista kien tella’ l-qorti ex-Ministru għax dan instabu għandu dokumenti tal-Gvern ġo kamra taħt l-art.  Indawru minn hawn u ndawru minn hemm kien ġie meħlus.  U jien staqsejt lili nnifsi.  Jekk jien nieħdu dokumenti minn fuq il-post tax-xogħol tiegħi mingħajr permess ta’ min iħaddimni, inkun qed nikser il-liġi?  Jien ċert li kieku kont jien, żgur li d-deċiżjoni kienet tkun differenti. 

Għalija dan il-każ kien ‘eye opener’.  Fil-fatt ma niftakarx li minn dak iż-żmien kellna każijiet simili ta’ gvern li jtella xi politikant il-qorti.

Qed nikteb dwar dan għaliex riċentament inqala’ każ fejn il-Prim Ministru u numru ta’ uffiċċjali tal-gvern ġew akkużati bi qtil volontarju u kif bdew jiżvillupaw l-affarijiet kien jidher li hemm ċans lii dawn l-akkużi ma kellhomx bażi.  L-argument li nqala kien, jekk jiġri hekk, x’ser isir?  Kien hemm avukati li qalu li jekk dawn l-akkużi ma’ jkollhomx bażi, allura min għamel l-akkuża jistgħu jittieħdu passi kontra min għamel l-akkuża.  Dak li qalu l-avukati hu korrett, biss jekk jiġri hekk, ser jittieħdu passi?  Għandi dubju serju u hu minħabba dan li meta jinqalgħu każi bħal dawn nemmen li nkunu qed intellgħu l-aspirazzjonijiet tan-nies għalxejn.  Meta jiġri hekk, il-maġġoranza tan-nies iħossuhom iddisprati u tonqsilhom il-fiduċja fis-sistema li ngħixu fiha għax ir-realta’ quddiemhom tkun li l-liġi għal ċerta nies ma tgħoddx.

Dan kien każ wieħed għaliex kien hemm ħafna skandli li smajna ħafna fuqhom, fosthom bejħ ta’ proprejta’ pubblika li inbigħet kważi bix-xejn, ħarġu rapporti dwarhom, tkażajna bihom u minn dan kollu ma sar xejn.  Biex ma sar xejn, żgur li kien hemm xi ħaġa li qed iżżomm dan il-proċess.  Jistgħu ikunu ħafna affarijiet, sew ġustifikati u sew oħrajn li mhux ġustifikati.

U hawn tidħol it-trasparenza.  Naf li f’każi bħal dawn jridu jibdew jgħatu aktar sodisfazzjoni.  Bħal tal-coronavirus, irridu nsibu metodi ġodda biex nissodisfaw dan il-bżonn u nippriżervaw il-fiduċja fis-sistema li ngħixu fiha.

Każ ieħor

Biss riċentament kien hemm każ ieħor interresanti li qajjimli ħafna mistoqsijiet.  Kien każ fuq allegat sewqan perikoluż ta’ Membru Parlamentari.  Mhux ser nidħol fil-mertu ta’ dan għax li interessani kien il-fatt li ħareġ li l-Membri Parlamentari jistgħu jiksru ċerti liġijiet mingħajr ma jittieħdu passi kontra tagħhom.

Din kienet xi ħaġa ġdida għalija, għax ma kontx naf li l-Membri Parlamentari jistgħu jiksru l-liġijiet li huma stess ġabu fis-seħħ.  Għalija din hi daqqa oħra fil-fiduċja tiegħi tas-sistem li ngħixu fiha.  Ir-raġuni hi, kif nistgħu nippretendu li nies josservaw il-liġi meta l-istess nies li għaddew il-liġi mhux biss jiksruha, iżda jinqdew bil-pożizzjoni tagħhom biex ma jittieħdux passi kontra tagħhom.  U fuq kollox, meta numru minnhom il-ħin kollu jipprietkaw fuq is-saltna tad-dritt!

Ekonomija

Sport