Wednesday, April 24, 2024

“Il-Covid-19 se jibqa’ magħna u għalhekk it-tilqima hija importanti”

Dr Joe Ferriggi jemmen li l-użu tal-maskra se jkun bżonn għas-sentejn li ġejjin...

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dr Joe Ferriggi, tabib tal-familja magħruf, sostna li l-Covid-19 se jibqa’ magħna u rridu ngħixu bih. Il-professjonist fil-qasam tas-saħħa għal aktar minn 40 sena u eks pazjent li kważi tilef ħajtu b’dan il-virus, qal li t-tilqima hija l-unika arma li għandna kontra l-virus iżda minħabba li xejn mhuwa mija fil-mija, huwa importanti li nkomplu nsegwu l-miżuri ta’ prevenzjoni, b’mod speċjali l-użu tal-maskra. 

F’wieħed mill-programmi ta’ tagħrif li jagħmel ta’ kull ġimgħa, li fuq il-midja soċjali waħidha laħaq aktar minn 10,000 persuna, Dr Ferriggi tkellem proprju dwar is-sigurtà u l-effiċjenza fit-tul tat-tilqima kontra l-Covid-19. Huwa tkellem ukoll dwar l-għażla libera, iżda infurmata u responsabbli, jekk persuna għandhiex teħodha jew le. 

Dan it-tabib qal li personalment iħoss li l-Covid-19 se jispiċċa bħall-influwenza staġjonali u għalhekk irridu nitgħallmu ngħixu bih. Wissa li bħalissa u fil-futur qarib, irridu noqogħdu attenti għax dan il-virus għadu livell ta’ pandemija perikoluża. 

“Inħoss li qabel l-2023- 2024 se tibqa’ din l-istorja għax għadna rridu nifhmuh sew u l-bniedem għadu jrid jadatta għalih. Il-virus qiegħed jinbidel f’varjanti differenti biex jaqbadna imma xi darba nit- għallmu sew dwaru u hemm nibdew ngħixu miegħu bħalma nagħmlu fil-każ tal-influwenza. Sadanittant se jkun perikoluż u se nibqgħu fi stat ta’ emerġenza ta’ pandemija. Sfortunatament se jkun hemm ħafna nies li se jkunu affettwati u se jbatu l-konsegwenzi fit-tul tiegħu. Ħafna nies li jkollhom bżonn ta’ sptar u minnhom se jmutu,” kompla Dr Ferriggi. 

Dr Ferriggi qal li probabbilment f’Ottubru se jkun hemm bżonn ta’ booster u li aġenziji oħra diġà qegħdin jikkonsidraw jgħaqdu t-tilqima tal-Covid-19 ma’ dik tal-influwenza. “Milli qiegħed nara s’issa, se jkollna bżonnha ta’ kull sena. Irridu naraw għax il-kamp mediku għadu ma jafx kull meta se jkollna bżonnha. Dan skont ir-riċerka fejn qegħdin jaraw kemm se sservi l-immunità,” spjega t-tabib. 

It-tilqima se tagħtik is-saħħa biex tilqa’ għall-virus 

Mil-lat mediku ta’ tabib u mil-lat uman fejn huwa stess kien rikoverat fit-taqsima tal-kura intensiva minħabba dan il-virus, Dr Ferriggi saħaq fuq l-importanza li jasal messaġġ lill-poplu Malti – dak li jieħdu t-tilqima, imma fl-istess ħin xorta waħda jibqa’ jsegwi l-miżuri ta’ prevenzjoni. 

Huwa sostna li l-aktar ħaġa importanti fil-ġlieda tagħna kontra l-Covid-19 hija li kemm jista’ jkun jitlaqqmu nies ħalli tilqgħalek. ”Ħa nagħtik is-saħħa biex tilqa’ għalih. L-unika mezz biex id-dinja tiftaħ hija t-tilqima. Din hija waħda  mill-armi kbar biex id-dinja tirritorna għan-normal. Biex aħna niġġieldu din il-pandemija bilfors irridu t-tilqima. Il-popolazzjoni kollha – mit-trabi sal-anzjani. Bdejna bil-vulnerabbli u wara studji mediċi komplejna b’etajiet differenti u ‘l quddiem naraw għat-trabi,” insista Dr Ferriggi. 

Bżonn ta’ deċiżjoni responsabbli 

Minn Jannar ‘l hawn bdejna bil-programm ta’ vaċċinazzjoni fuq skala nazzjonali fejn l-ewwel bdejna nagħtu t-tilqima lill-persuni vulnerabbli, imbagħad inżilna l-faxex tal-etajiet u issa wasalna sal-adoloxxenti ta’ ‘l fuq minn 12-il sena. Barra minnhekk, mill-20 ta’ Lulju l-Gvern fetaħ ċentri miftuħa għal min irid jieħu t-tilqima. 

“Il-Covid-19 huwa virus ġdid u huwa normali li jkun hemm spekulazzjonijiet,” spjega t-tabib Rabti. Malta ma kinitx eċċezzjoni fejn għadd ta’ persuni huma xettiċi jew imbeżża’ milli jieħdu t-tilqima konta l-virus. Fil-ġranet li għaddew anke saret protesta minn persuni li ma jridux jieħduha jew li jkomplu l-miżuri ta’ restrizzjoni. 

Rigward is-sigurtà tat-tilqima Dr Ferriggi spjega li, “hemm ċerti kriterja u passi li ma jistgħux jinqabżu. Jien ċert, għax qrajt fuq li qrajt, li ebda pass ma nqabeż fil-proċess ta’ din it-tilqima. Li ġara kien li, minħabba l-emerġenza tal-pandemija, dawk involuti fil-ħolqien, l-ittestjar u l-approvazzjoni tagħha ħadmu qatigħ fuq din it-tilqima”. 

Huwa qal li maż-żmien, klinikament, nibdew naraw l-affarijiet imma li huwa żgur huwa li t-tilqima għamlet differenza kullimkien. “It-tilqima tnaqqas l-imwiet u aktar minn hekk id-dħul ta’ pazjenti fl-isptar. Għalhekk, li huwa żgur huwa li din tnaqqas il-kumplikazzjonijiet,” aċċerta Dr Ferriggi. 

“Mhux li tfiq… x’effetti fit-tul hemm, ma nafux!” 

Dr Ferriggi qal li l-għażla tat-tilqima hija waħda libera u li wieħed għandu jiddeċiedi huwa, b’mod responsabbli, x’għandu jagħmel. Sostna imma, li bħala eks pazjent, jaf personalment il-perikli serji tal-Covid-19. Barra li meta timrad bih tkun ma tiflaħx u hemm perikli aktar serji bl-aktar waħda gravi l-fatalità, Ferriggi qal li d-dinja medika għadha ma tafx x’inhuma l-effetti fit-tul tal-virus innifsu. 

Fi żmien l-antik ħafna min-nies kienu jimirdu bil-kliewi u dan minħabba materja fil-ġriżmejn li kienet tinżel fil-kliewi bil-konsegwenza ta’ ħsara kbira f’organi vitali. Dawn kienu jmutu jew bil-kliewi jew bil-qalb. It-tabib spjega li l-Covid ma nafux x’se jħallilna bħala effetti negattivi fit-tul. Li d-dinja medika taf żgur huwa li t-tilqima se tgħinek tevita kumplikazzjonijiet għal saħħtek. 

“Jien ma nistax ngħidlek ħudha għax ma jiġrilek xejn imma, il-Covid-19 huwa serju ħafna. Jista’ jħalli ħafna effetti fl-organi; idaħlek l-isptar u anke joqtlok kif kien se jiġri lili. L-uniku mezz li għandna biex nipproteġu lill-bniedem huwa permezz tat-tilqima u dan huwa l-lat sigur tiegħek – li jnaqqas il-periklu ta’ bżonn ta’ sptar jew/u mewt,” kompla Dr Ferriggi. 

It-tilqima hija bonus imma xorta jista’ jaqbdek… 

Dr Ferriggi qal li meta wieħed jikkonsidra dak kollu li jista’ jagħmillu l-Covid-19 u jara li hemm arma kontrih, irid jieħu d-deċiżjoni jekk jeħodhiex jew le. Huwa jemmen li l-unika mezz li għandna biex nibdew niġġieldu din il-pandemija hija t-tilqima biex inkun protetti u l-użu tal-maskra bħala prevenzjoni. 

It-tabib sostna li t-tilqima hija bonus imma xorta jista’ jaqbdek. “Imma almenu jekk teħodha għandek arma biex tgħinek tiġġieled lill-virus. L-aħjar ħaġa hija li ma jaqbdekx u għaldaqstant għas-sentejn li ġejjin għandna noqogħdu attenti u nżommu l-istess miżuri – jiġifieri l-ħasil tal-idejn, distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra. Kulħadd irid jilbisha l-maskra ħalli kulħadd ikun protett u dan b’mod speċjali dawk li ma jistgħux jieħdu t-tilqima u t-tfal iż-żgħar li għadhom ma ħaduhiex. Bħala poplu ta’ nofs miljun ilħaqna l-immunità tal-massa imma mhux x’għandna aħna, iżda x’għandhom il-pajjiżi l-oħra bil-miljuni ta’ nies bħala popolazzjoni,” wissa Dr Ferriggi. 

Huwa qal li l-bniedem dejjem irid l-‘iva’ jew il-‘le’ imma l-verità hija l-griż. “Il-punt huwa li ebda tilqima m’hija 100% u hemm il-varjanti. Bit-tilqima għandek l-unika arma ta’ difiża. Dan bħal meta jiġi xi ħadd jaggredik u m’għandek xejn. Jekk forsi jkollok arma, tbeżżgħu biha. Il-problema jekk ma jkollok xejn,” kompla t-tabib. Il-vaċċin huwa dejjem forma ta’ difiża u fil-fatt lit-trabi nagħtuhom lista sħiħa kontra mard differenti. Għaldaqstant, dan it-tabib huwa tal-opinjoni li jekk id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qiegħed jirrakkomanda tilqima, għandna nimxu miegħu bħalma għamel huwa stess u wliedu.”

“Jien inħoss li t-tilqima kontra l-Covid hija arma tajba bħal kull tilqima oħra. Imma, għas-sentejn li ġejjin xorta trid tibqa’ toqgħod attent u timxi mal-miżuri ta’ prevenzjoni. Ma tistax titlaq kollox f’daqqa għax għandna l-vaċċin u nagħmlu li rridu. Ħadd m’hu se jgħidlek teħodha bilfors imma jekk ma teħodhiex, se tkun bla arma,” temm Dr Ferriggi. 

Sport