Saturday, May 4, 2024

Il-Covid-19 wera biċ-ċar kif ekonomiji diġitali u sostenibbli huma l-pass li jmiss – il-Ministru Carmelo Abela

Aqra wkoll

YouTube video

Il-Covid-19 enfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi jiffukaw fuq l-industriji diġitali u t-teknoloġiji emerġenti sabiex ifasslu ekonomiji sostenibbli. Jeħtieġ li dawn it-teknoloġiji jiġu xprunati mhux biss fid-dinja tan-negozju iżda wkoll fi ħdan il-gvern u fil-ħajja soċjali ta’ kuljum. Il-ministru responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli, Carmelo Abela, saħaq fuq dan il-punt tul id-dsatax-il laqgħa diġitali dwar il-Politika għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-OECD.

“Bħalissa qed ngħaddu minn perjodu diffiċli li wassal għal tibdil drastiku fil-ħajjiet tagħna ta’ kuljum u li seħħ f’daqqa. Ma konniex lesti għal din ir-realtà. M’għandna nqisu xejn bħala ovvju u jeħtieġ nippreparaw u nippjanaw bil-quddiem. Dan hu l-prinċipju ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli”.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela saħaq li dan hu l-waqt li l-pajjiżi jħarsu ’l quddiem lejn metodi innovattivi biex jindirizzaw setturi ekonomiċi ġodda għal wara l-imxija tal-Covid-19.

Waqt li elenka l-impatti ta’ ekonomija diġitali, il-ministru qal li din, essenzjalment, se tbiddel il-mod kif jgħixu n-nies, kif jaħdmu u jikkomunikaw u kif jixtru u jipproduċu l-prodotti u s-servizzi. Se tbiddel il-mod kif jitmexxew il-kumpaniji, kif jiġbdu lejhom il-klijenti u kif l-intrapriżi jmexxu n-negozju tagħhom.

B’referenza għall-importanza li Malta tagħti lill-kunċett ta’ ekonomija diġitali, qal li bħala nazzjon żgħir b’riżorsi limitati, Malta għarfet il-potenzjal tal-investiment teknoloġiku fis-setturi differenti u ilha tinvesti fl-aġenda diġitali għall-aħħar sitt snin.

“L-ekonomija diġitali tinkludi l-Blockchain, l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Internet of things. Uħud minnhom għadhom kontroversjali f’ċerti pajjiżi iżda jekk nistgħu ngħidu li tgħallimna xi ħaġa mis-sitwazzjoni tal-Covid-19, hu proprju l-fatt li dan hu l-pass li jmiss. Sistema ġdida li tiflaħ pressjonijiet ġodda, li tippermetti xogħol mill-bogħod, li tneħħi l-ħtieġa ta’ azzjoni mill-Istat f’dawk li huma interazzjonijiet li jistgħu jiġu ffaċilitati permezz tat-teknoloġija, speċjalment f’waqtiet fejn l-Istat ikun kompletament iffukat fuq it-tmexxija effettiva ta’ operazzjonijiet aktar vitali. Il-pajjiżi jridu jieħdu azzjonijiet aktar konkreti u jitfgħu ħarsithom ftit aktar fuq l-ekonomija diġitali.”

“Nemmnu bis-sħiħ li hekk, b’mod ġenerali, inkunu qed nimmassimizzaw it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli”, qal il-Ministru Abela. Wqt li tkellem dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-ministru enfasizza l-importanza li l-gvern qed jagħti lit-twettiq tal-impenn tiegħu sabiex l-iżvilupp sostennibbli jiġi applikat fix-xogħol kollu tiegħu b’mod normali u regolari. Il-Ministru Carmelo Abela saħaq li l-gvern, bħala parti mill-impenn tiegħu sabiex jiżgura li l-iżvilupp sostenibbli jiġi simplifikat fl-operat kollu tal-gvern, qed iniedi proċess li permezz tiegħu l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda tidħol fil-proċess ta’ baġit nazzjonali, li jfassal l-għanijiet u l-prijoritajiet annwali tal-gvern.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Malti qed jirrikorri għall-assistenza teknika tal-OECD. L-OECD diġà pprovdiet sessjonijiet ta’ taħriġ speċjalizzat lill-uffiċjali tas-servizz pubbliku dwar kif tista’ ssir rabta bejn il-miżuri tal-baġit ta’ Malta mal-miri ta’ żvilupp sostennibbli.

Il-ministru semma li l-Gvern Malti bħalissa qed jaħdem fuq it-tfassil ta’ Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u pjan ta’ azzjoni ġodda li jixirfu lejn l-2050. Fil-fatt, lejn l-aħħar tal-2018, ġie ppubblikat dokument ta’ viżjoni għal konsultazzjoni. Dan id-dokument se jservi ta’ pedament li fuqu se tinbena l-istrateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli.

Sport