Thursday, December 26, 2024

Il-Eurostat bi stima ta’ tnaqqis sinjifikanti fl-inflazzjoni f’Malta fi Frar

Aqra wkoll

Stimi proviżorji maħruġa mill-aġenzija tal-statistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, jindikaw li fi Frar kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-inflazzjoni f’pajjiżna. Dan hekk kif r-rata tal-għoli tal-ħajja hija antiċipata li naqset minn 3.7% f’Jannar għal 3.1%.

It-tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienet l-akbar minn fost il-pajjiżi Ewropej, bi tnaqqis ta’ 0.6 punti perċentwali, jew tliet darbiet it-tnaqqis medju osservat madwar iż-Żona Ewro. Ta’ min jinnota li bejn Awwissu u Jannar ir-rata ta’ inflazzjoni madwar iż-Żona Ewro kienet naqset b’2.6%, filwaqt li f’pajjiżna kienet naqset bin-nofs, jew b’1.3%. Dan kien jirrifletti l-aktar il-fatt li f’pajjiżna r-rata ta’ inflazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel baqgħet tiżdied filwaqt li kienet nieżla madwar l-Ewropa.

Fl-istimi proviżorji tagħha, il-Eurostat ma tindikax il-kawżi wara t-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni ta’ pajjiżna fi Frar. Għalhekk f’dan l-istadju għadu mhux possibbli li wieħed jagħti spjega tal-andament fl-inflazzjoni f’dan ix-xahar partikolari. Imma ta’ min ifakkar li fi Frar bdiet titħaddem l-iskema ta’ Stabbiltà, li permezz tagħha kien hemm roħs f’aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel. Jista’ jkun li din l-iskema wasslet għal dan it-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni, li huwa t-tieni l-akbar tnaqqis osservat fl-aħħar sitt xhur. Ta’ min jinnota wkoll li l-fatt li l-Gvern dejjem żamm il-kontijiet tal-enerġija stabbli, allura ma jkunx reġistrat tnaqqis f’dak is-settur għax ma tistax tnaqqas minn fejn ma żdied xejn.

L-istatistika finali tal-Eurostat għal Frar marbuta mal-inflazzjoni mistennija li tkun ippubblikata fit-18 ta’ Marzu, filwaqt li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika mistenni jippubblika r-retail price index fil-21 ta’ Marzu. Għalhekk fadal aktar minn ġimagħtejn biex wieħed ikun jista’ janalizza l-kawżi prinċipali tat-tnaqqis fl-inflazzjoni li jidher li kompla jseħħ fi Frar.

Ekonomija

Sport