Saturday, December 21, 2024

IL-FAĊĊOLIŻMU

Aqra wkoll

Ħafna mill-Maltin jgħidu li huma Kattolċi.  Vera jkunu għax ikunu tgħammdu f’din il-Knisja.  Imma llum, ħafna s’hemm jaslu. Hu veru li l-ħajja nbidlet u hu diffiċli biex tgħix kif kienu jgħallmuna qabel.  Biss li hi stramba hu l-fatt li llum, il-Knisja Kattolka għandhom Papa li jirrealizza dan, u ġab ħafna tibdil kif għandha tkun attitudni.  Imma ftit jagħtu kasu.

Dan qed narawh illum fejn dan il-Papa, l-ewwel wieħed, tkellem ħafna kif nistgħu nevitaw il-gwerer.  Qalilna li fi gwerra kulħadd jitlef u biex nevitawha mhux armi rridu imma nitkellmu ma xulxin.  Tiskanta kif speċjalment ħafna mill-politikanti Ewropej, inkluzi Maltin, jużaw il-Knisja biex jidhru għall-pubbliċita’, imma ftit jagħtu kasha.  Dan jidher għaliex illum hemm ħafna politikanti li jriduna nużaw ħafna minn flusna biex nixtru l-armi fuq il-bażi falza li nagħmlu hekk biex nevitaw il-gwerer! 

Fil-fatt, dan il-Papa hu kważi l-uniku mexxej fl-Ewropa li vera jemmen fil-Paċi.  L-isfortuna hi li lanqas lil dawk li jmexxi ma jimxu miegħu għax għandek ħafna politikanti u qassisin kattolċi li ma jaqblux miegħu! 

Ekonomija hi bbażata fuq il-kilba għall-flus

Dan kien parti mill-messaġġ li għamlet il-President ġdid fl-ewwel diskors tagħha bħala President.  Għalija kien messaġġ importanti għaliex din hi xi ħaġa preżenti fis-soċjeta’ Maltija.  Din mhix xi ħaġa ġdida għaliex dejjem kienet hemm u hemm ser tibqa’ bħal ma ssibha f’kull soċjeta’ oħra.

Biss issa żdiedet ħafna u tajjeb naraw minn fejn ġiet u kif nistgħu nnaqsuha.  Tajjeb niftakru li l-kilba għall-flus hi l-bażi tal-kapitaliżmu – sistema li llum ġiet adattata u aċċettata mill-maġġoranza tad-dinja inkluż il-Maltin.  

Il-Kapitaliżmu

Tant ġiet adattata s-sistema kapitalista li lanqas biss insemmu li s-sistema hi l-Kapitaliżmu.  Hi sistema li llum ġiet adottata fid-dinja kollha wara l-waqa’ tal-Kommuniżmu.  

Il-Kapitaliżmu hu bbażat fuq il-kilba tal-individwu, swieq ħielsa u gvern mingħajr rwol fis-swieq.  Fil-Kapitaliżmu, jien kompetitur ma kulħadd inkluż missieri, ommi, ħija u oħti u anki t-tfal tiegħi.  Hu għalhekk li fil-Kapitaliżmu hemm kilba kbira għall-flus għax l-importanti hu jien, u jien biss!

Kundizzjoni ta’ suq ħieles hi kompetizzjoni, xi ħaġa li f’Malta hi baxxa ħafna. Hu minħabba li m’hawnx kompetizzjoni li l-konsumatur minflok li hu r-Re tas-Suq hu l-ilsir tas-Suq.

Is-Soċjaliżmu

Is-Soċjaliżmu hu sistema li min-naħa jara li hemm swieq u fl-istess ħin jassigura li din il-kilba għall-flus ma tikbirx u li l-Gvern jieħu rwol attiv, mhux bil-kliem biss, li jgħin liż-żgħar.  

Is-Soċjaliżmu hu differenti għaliex il-gvern għandu rwol importanti sew biex jagħti direzzjoni u sew jara li kulħadd għandu aċċess għar-riżorsi meħtieġa. Hu għalhekk, u dan rajnieh f’Malta, li kienu gvernijiet Laburisti (Soċjalisti) li introduċew sistemi f’Malta fejn kulħadd ikollu aċċess simili sew għall-edukazzjoni u sew għas-saħħa.  Gvernijiet Soċjalisti wkoll jaraw kif jistgħu jgħinu lill-konsumatur billi dejjem kellhom għajnenhomm fuq il-prezzijiet. Gvern Soċjalista jaħdem biex jassigura, kemm jista’ jkun, li kulħadd ikun jista’ jixtri u jikkonsma biex jassigura ħajja sew.

Faċċoliżmu (ii)

Illum f’Malta għandek ħafna fuq in-naħa tal-Lemin, li jemmnu fil-Kapitaliżmu għax iridu li l-gvern inaqqas ir-rwol tiegħu fis-soċjeta’, u jikkritikaw lill-gvern għax għandna kilba kbira għall-flus. Jgħidu li jridu li s-sistema preżenti tinbidel imma fl-istess ħin ma jgħidu xejn fuq is-sistemi li jridu jintroduċu. Isir hekk biex il-maġġoranza tan-nies ma jittendux li b’sistemi oħra, ser imorru lura.  Għalija, din l-imġieba mhi xejn għajr faċċoliżmu!

Ekonomija

Sport