Friday, May 3, 2024

L-esports qed jikber kull sena – Shaun Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Shaun Galea huwa ċ-championn Nazzjonali tal-esports. Jikkompeti għal Hamrun Spartans u se jkun qed jirrapreżenta lil Malta fiċ-Champions League tal-esports, f’Londra.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-esports?

L-imħabba tiegħi lejn l-esports bdiet meta ta’ seba’ snin, missieri kien jeħodni nikkompeti f’tournaments żgħar tal-‘Pro Evolution Soccer’. Tista’ tgħid li l-kompetizzjoni dejjem kienet fija. Iktar m’għadda ż-żmien l-opportunitajiet dejjem komplew jiżdiedu għalija!

Kif tiddeskrivi x-xena tal-esports f’Malta?

Ix-xena tal-esports f’pajjiżna speċjalment dik tal-FIFA, dejjem qed tiżdied, u meta tikkumparaha ma’ dik li kienet erba’ snin ilu, tara differenza enormi. Peró, aħna l-Maltin li nikkompetu f’tournaments internazzjonali insibu ruħna limitati minħabba li jkollna naħdmu xogħolijiet normali u ma nkunux ‘Full time’ fuqha bħall-plejers ta’ barra minn xtutna.

X’tikkummenta fuq min jgħid li l-esports ma jistax jitqies bħala sport?

Din l-istqarija toħloq ħafna opinjonijiet differenti u kemmxejn kontroversjali, peró, fl-opinjoni tiegħi, għandu jitqies bħala sport minħabba l-fatt li jinvolvi sagrifiċċji kbar, logħob mentali u dieta stretta. Simili tal- esport, iċ-chess huwa meqjus bħala sport fl-Olimpijadi, jiġifieri fil-fehma tiegħi ma narax għaliex l-esports m’għandux ikun meqjus hekk ukoll!

X’tikkummenta fuq l-aħħar kampjonat li rbaħt ma’ Hamrun Spartans u kemm kien differenti minn dak li rbaħt fl-istaġun preċedenti?

Kien differenti mill-oħrajn għax rajna kompetitur li huwa champion Sud-Amerikan jikkompeti fil-kampjonat Malti u b’hekk il-livell kien iktar għoli. Qiegħed fuq ix-xwiek sabiex nikkompeti ġewwa Londra u nagħti l-almu kollu tiegħi u nirrapreżenta lil pajjiżna ġo tournament tant prestiġjuz taċ-Champions League tal-esports.

U għaliex għażilt proprju lil Hamrun Spartans biex tikkompeti magħhom?

Għażilt li nirrapreżenta lill-Ħamrun minħabba l-fatt li nammira l-Ħamrun fil-futbol reali, il-festa u t-tradizzjonijiet u anke meta kont żgħir, kont saħansitra nittrenja magħhom fin-nursery.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-esports?

Il-pjan għall-futur tiegħi huwa l-istess bħalma dejjem kien, nipprattika ma’ nies barranin, niddedika ħafna ħin lejn din il-ħaġa li tant inħobb u nara riżultati aħjar kemm fix-xena lokali kif ukoll dik internazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jibda jieħu bis-serjetà l-esports.

Il-messaġġ li dejjem nwassal lil min għadu jibda huwa dak li jekk l-esports jew il-gaming inġenerali huwa ħaġa li tħobb u tixtieq li tieħu dak il-pass ‘il quddiem, biex ma taqtax qalbek għalkemm forsi ssib ħafna ostakli fit-triq. Sena wara sena, l-esports dejjem se jkun qed jikber, jiġifieri jekk għadek ta’ etá żgħira, tinsab fil-vantaġġ u t-triq it-tajba!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport