Saturday, December 21, 2024

IL-FAMILJA; IL-QALB TAL-POLITIKA TIEGĦI

Aqra wkoll

Kulħadd jitwieled f’familja, anke jekk huma diversi l-forom ta’ familji li jeżistu. Irrispettivament mill-forma, il-familja tibqa’ l-benniena tas-soċjetà tagħna. Huwa għalhekk li l-gvern qed ikompli jsaħħaħ il-familji kemm fuq livell finanzjarju u assistenza oħra, iżda anke billi jibqa’ jsaħħaħ il-ħarsien soċjali ta’ kulħadd. 

Il-gvern kontinwament jisħaq fuq l-importanza li ma rridux nibqgħu nitkellmu fuq soċjetà u ekonomija li jiġbdu f’direzzjonijiet differenti iżda rridu nkunu forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li fiċ-ċentru tagħha hemm il-benesseri tal-familja. 

Kien għalhekk li Gvern Laburista ħadem bla heda biex tissaħħaħ il-familja permezz ta’ diversi għajnuniet li ta tul il-pandemija. Kien għalhekk li l-100 IDEA tal-Partit Laburista jpoġġu fiċ-ċentru tagħhom l-iżvilupp tal-familja. Kien għalhekk li l-Gvern Laburista sejjes l-istrateġija ekonomika tiegħu għal għaxar snin li ġejjin fuq il-benesseri tal-familja. Kien għalhekk ukoll li l-Gvern intervjena b’mod deċiż tul dawn l-aħħar snin permezz ta’ Budget 2021 li jibqa’ mfakkar bħala l-ikbar u l-aqwa budget fl-istorja ta’ pajjiżna kif ukoll permezz ta’ 2022 li huwa l-aktar budget b’miżuri soċjali li qatt sar f’pajjiżna. 

Kien għalhekk ukoll li tul il-vjaġġ politiku tiegħi, dejjem sħaqt fuq iċ-ċentralità tal-familia fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiż. Prinċipju li dejjem inżomm f’moħħi meta nżur il-familji fid-distretti fejn ser nikkontesta. Tisma’, tifhem, tagħder u taġixxi biex tgħin fl-isfidi tagħhom, biex il-ħolm tipprova tara li jsirilhom realtà u biex il-biżà tbiddilha f’serħan il-moħħ. 

U biex dak li imwiegħed, inwettqu qed naħdem biex inkomplu noffru kwalità tal-ħajja u l-mod ta’ kif ngħixuha (liveability) lil kull familja. Dan qiegħed nagħmlu billi ninsisti fuq l-importanza u l-bżonn ta’ diversi elementi bażiċi li jvarjaw mill-ispazji pubbliċi għall-mod kif nibbilanċjaw ix-xogħol, il-familja u l-attivitajiet li jżommuna sani u b’saħħitna. Dan qiegħed nagħmlu ukoll billi nkompli nisħaq fuq il-bżonn li nkomplu noffru servizzi tas-saħħa tal-ogħla livell. Dan qiegħed nisħaq fuqu ghax il-familja ser tkun strumentali fit-tfassil tas-soċjetà ta’ għada.

Dan qiegħed nagħmlu wkoll permezz ta’ inizjattivi konkreti u mmirati biex jgħinu lill-familji Maltin fosthom pjattaforma elettronika bl-isem ta’ ’Iċ-Ċittadin’ li l-għan tagħha huwa biex jagħti liċ-ċittadini l-abbiltà li jirreġistraw każ direttament miegħu u mat-tim tiegħu. Il-pjattaforma elettronika hija maħluqa b’mod sempliċi biex dak li jkun jista’ jressaq l-ilment tiegħu billi jsegwi numru ta’ istruzzjonijiet. Dan isir billi ssegwi lista ta’ għażliet li jeħtieġ li jimtlew u li tiddeskrivi l-każ li ċ-ċittadin jixtieq iwassal. 

Permezz ta’ din il-pjattaforma elettronika, iċ-ċittadin tassew qed jingħata l-importanza li jistħoqqlu u jingħata aktar serħan tal-moħħ. Punt ieħor li jagħmel ‘Iċ-Ċittadin’ tassew attraenti biex tintuża huwa li dan kollu jista’ jsir mill-kumdità tad-dar tal-persuna li tkun qed tressaq l-ilment u b’hekk jitnaqqas l-iskariġġ li wieħed ikollu jmur x’imkien biex jagħmel dan.

Din hija l-Malta li qed nistinka biex kull wieħed u waħda minnha jgħix fiha. Malta fejn il-familja tibqa’ punt ċentrali, punt ta’ riferiment, punt essenzjali għat-tfassil tal-Malta ta’ għada. Din hija l-Malta li rrid għal uliedi u għal kull Malti u Għawdxi. Malta msejsa fuq il-valuri, fuq id-dritt ta’ kwalità ta’ ħajja tajba, fuq id-dritt ta’ ambjent san u sikur. Malta fejn jien nista’ nikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-familja li tant hija għal qalbi.

Ekonomija

Sport