Friday, November 22, 2024

Il-faqar – f’daqqa sar realtà

Aqra wkoll

Dan l-aħħar rajt artiklu f’gazzetta dwar il-faqar f’Malta. L-artiklu kien mimli kritika fuq in-nefqa tal-gvern fuq affarijiet li qed jintefqu għall-pajjiż kollu. L-aktar li qbajt skantat kien kif bniedem li kien u għadu mdaħħal sew fil-politika fl-aħħar stembaħ u ttenda li l-faqar hu realtà. Biss għal dan it-tip ta’ nies il-faqar jeżisti biss taħt gvern Laburista.

Dan qed ngħidu għaliex nies bħal dawn kienu kollha siekta meta l-Prim Ministru tal-aħħar gvern Nazzjonalista kien qal li l-faqar mhux realta’ imma perċezzjoni – xi ħaġa fl-immaġinazzjoni tan-nies. Tiskanta kif xi ħaġa li tkun fl-immaġinazzjoni tan-nies f’daqqa, meta jinbidel il-gvern, issir realtà u żgur li terġa’ ssir ħaġa fl-immaġinazzjoni jekk ikollna gvern kif kellna qabel. Nispera li jien żbaljat u meta jkollna gvern aktar lemini, dawn in-nies jiftakru f’suġġetti bħal dawn.

Barra minhekk, irridu niftakru wkoll li aħna pajjiż żgħir u għalhekk familja waħda. Jekk xi ħadd imur tajjeb, ikollu effett fuq kulħadd. L-istess jekk imur ħażin. Hu għalhekk li rridu nidraw inkunu pożittivi u nissuġġerixxu soluzzjonijiet għax b’hekk kulħadd igawdi, ikun xi jkun il-kulur u t-twemmin tiegħu.

Artikli

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed insiru negattivi fil-kitba tagħna. Ħafna mill-kitba tagħna qed issir aktar biex tħammeġ in-nies u toħloq l-impressjoni li Malta hu pajjiż korrot – mill-ogħla persuna sal-anqas waħda. Rajt artiklu fejn isemmi li persuna li xi ħadd kien tefgħalha l-ħama u kellu jgħaddi minn investigazzjoni.
L-artiklu jgħid li l-investigazzjoni ma sabitx li dan il-persuna għamel xi ħaġa ħażina. Biss l-artiklu ma waqafx hemm u reġa’ semma l-ħama li kienet intefgħet. Żgur li min qrah dan l-artiklu, il-ħama li kienet intefgħet qabel l-investigazzjoni reġgħet telgħet fil-memorja tiegħu bir-riżultat li t-tebgħa tibqa’ hemm.

Titanic

Dan l-aħħar kien hemm inċident meta sottomarin li ħa ħames min-nies biex jaraw it-Titanic mgħarraq, għereq hu wkoll u ntilfu l-persuni li kienu fuqu. Rajna l-media sew internazzjonali u sew lokali tiffoka fuq dan. Kienet xi ħaġa tajba għaliex bdejna niffukaw ukoll

li min qed joffri servizz għandu joffri servizz li jkun żgur mingħajr periklu għal min jinqeda bih. Imma fl-istess żmien fil-Meditteran għerqet ‘dgħajsa’ ta’ immigranti u hu stmat li ntilfu madwar 500 ruħ. U fuq din ftit tkellmu. Ir-raġuni hi li dawn huma immigranti li għandhom l-kulur u t-twemmin tagħhom differenti minn dak li nsibu fil-maġġoranza tal-Punent. Ara l-Ukreni għaliex mhux nies skuri, hemm ma hemmx problema, l-ebda pajjiż ma gar, inkluż aħna, minkejja n-numri ta’ emigranti li raw minn dan il-pajjiż. Hu tajjeb li għamilna hekk.

Imma għaliex ma nużawx l-istess kriterji fuq dawk li huma bnedmin bħall-oħrajn imma għandhom ġilda skura? Sempliċi, għax aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed insiru razzisti.

Fejn sejrin

Dan juri li l-Punent, inkluż l-UE u aħna, sejrin lejn il-Lemin estrem. Dan illum qed narawh mill-gvernijiet li telgħu riċentament fil-Fillandja, l-Italja u l-Greċja. Minn hawn u ftit ieħor jista’ jkun inżidu lil Spanja ma din il-lista. Biss il-problema hi akbar għaliex anki x-Xellug qed imur lejn il-Lemin estrem. Dan narawh sew fuq il-gwerer, il-paċi u l-immigranti.

Jekk naraw il-gwerer illum qiesha l-unika gwerra li għandna hi tal-Ukranja. Innutaw, dan l-aħħar jiem il-gvern Iżraeljan beda attakk qawwi fuq il-Palestinjani. Bilkemm smajna dwarha minkejja li l-Gvern Iżraeljan mhux biss moħħu li jieħu l-art imma li jkeċċi lill-Palestinjani l-barra mill-post li kienu jgħixu fih. Smajna xi kundanna? Jista’ jkun nisimgħu imma sa hemm naslu għax l-Iżrael hu meqjus parti mill-Punent. Żgur li mhux ser ikun hemm sanzjonijiet, speċjalment minħabba li dan l-aħħar Biden qed jinnegozja biex l-Iżrael jikkontrolla lill-Iran.

Biss l-aktar sfortuna hi li anki x-Xellug miexi sew lejn il-Lemin. Dan narawh fuq il-paċi. Il-kelma paċi dejjem insemmuha – imma sa hemm naslu għax ma nieħdu l-ebda pass biex nersqu lejn il-Paċi vera. U l-probabbilta’ hi li aktar ser nersqu lejn gwerer u involviment akbar ta’ pajjiżi speċjalment fl-Ewropa.

Dan narawh mill-influwenza li għandha n-NATO fuq l-UE speċjalment fuq il-Kunsill tal-UE. Meta ġew biex jiddiskutu s-sigurta’ tal-Ewropa, l-ewwel ħaġa li għamlu kien li jistiednu lis-Segretarju tan-NATO. U jekk tisma’ lill-mexxejja, kollha ħarġu sodisfatti b’dak li qallhom jagħmlu. Mhux xi ħaġa stramba għalihom għax anki aħna diġa’ ħadna l-ewwel pass biex insiru membri tan-NATO.

Sport