Monday, May 13, 2024

Il-PM Abela jżur proġett li nbidel biex tiżdied il-kwalità u r-rispett lejn l-ambjent tal-madwar

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett tal-Verdala, li qiegħed isir fuq is-sit ta’ dik li kienet il-Grand Hotel Verdala. Proġett li se jkun qiegħed jibdel 2,350 metru kwadru ta’ spazju li kien żviluppat għal spazju miftuħ biex jitgawda mill-komunità.

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru nnota l-impenn tal-investitur biex jiżviluppa proġett ta’ kwalità fl-inħawi tal-Virtù fir-Rabat, li mhux biss iħares, iżda jirrispetta l-ambjent tal-madwar. Dan billi d-disinn tal-proġett, partikolarment kif jidher minn barra, tfassal b’mod li jikkumplimenta ż-żona li jinsab fih.

Bil-proġett li jikkonsisti f’lukanda ta’ ħames stilel u appartamenti residenzjali, mhux biss se jinkludi pjazez għat-tgawdija tal-familji, iżda ukoll spazji ħodor. Bl-għan tal-proġett hu li filwaqt li joffri residenzi tal-ogħla livell, jattira turisti ta’ kwalità li jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li dan l-investiment privat qed isir f’sinerġija mal-prijoritajiet għal dan il-Gvern. Mhux biss dik li qed twassal għal aktar spazji miftuħa għall-familji Maltin u Għawdxin iżda ukoll li l-binja hija maħsuba biex tħares l-ambjent. Dan hekk kif huwa mibni bil-ħsieb li mhux biss inaqqas il-konsum tal-enerġija, iżda jnaqqas l-emissjonijiet atmosferiċi b’rata konsiderevoli.

Dan il-proġett jingħaqad katina ma’ iżjed investiment ta’ kwalità li segwew l-istess prinċipji ambjentali u ta’ sostenibbiltà fil-jiem li għaddew meta l-Prim Ministru żar proġetti ġodda fosthom dak mill-Grupp Farsons ta’ Trident Park u l-Brewhouse.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-fundatur tal-Grupp tal-AX Angelo Xuereb, membri tal-familja Xuereb u membri oħra involuti fit-tmexxija tal-kumpanija.

Sport