Saturday, December 21, 2024

“Il-femiċidju huwa meta raġel jeżerċita poter u kontroll fuq mara”

Aqra wkoll

Il-Malta Women’s Lobby iddiżappuntata li l-Pulizija u s-soċjetà qegħdin jiċħdu l-ovvju

Il-Malta Women’s Lobby esprimiet id-diżappunt kbir tagħha għall-fatt li l-Pulizija u s-soċjetà qegħdin ikomplu jippruvaw jiċħdu fatti ovvji dwar il-każ ta’ Paulina Dembska. Fi stqarrija dan il-moviment sostna li meta jkun hemm insistenza li dan il-każ mhuwiex femiċidju, ikunu qegħdin jagħlqu għajnejhom għall-mudelli sistematiċi tal-ġeneru li jwasslu għalih.

“Il-fatt li l-akkużat attakka żewġt irġiel qabel ma allegatament qatel u stupra oralment, analment u vaġinalment lill-vittma, ma jneħħix il-fatt li għamel li għamel għax hija mara,” sostniet il-Malta Women’s Lobby. Hija qalet li filwaqt li l-femiċidju huwa ħafna drabi assoċjat ma’ vjolenza minn sieħeb intimu, din tmur oltre. Tispjega li l-femiċidju huwa meta raġel jeżerċità poter u kontroll fuq mara u li huwa l-aħħar pass ta’ sensiela ta’ vjolenza kontra nisa u bniet f’kuntest fejn din it-tip ta’ vjolenza ġiet normalizzata u l-impunità ħafna drabi tipprevali.

“Li jingħad li f’dan il-każ ġew attakkati żewġt irġiel qabel mal-vittma ġiet maqtula brutalment, ma jibdilx il-fatt li hemm kuntest tal-ġeneru fil-mod kif sar il-qtil”

MALTA WOMEN’S LOBBY

Il-Malta Women’s Lobby saħqet li, “meta tinsisti li dan mhuwiex każ ta’ femiċidju, il-Pulizija qiegħda tagħlaq għajnejha għall-mudelli sistematiċi tal-ġeneru li jwasslu għal femiċidju. Huma l-irġiel li jagħtu fastidju, jattakkaw, ibeżżgħu, jistupraw u ġeneralment joqtlu lin-nisa u mhux bil-kontra. L-istatistiċi huma ċari għalkemm aħna m’aħniex ngħidu li l-irġiel kollha jagħmlu hekk”.

Dan il-moviment qal li qabel ma mara tinqatel ikun hemm livell għoli ta’ tolleranza għal dan it-tip ta’ aġir u n-nisa rari jingħataw widen jew jittieħdu bis-serjetà mill-Pulizija u mis-soċjetà inġenerali. Żiedet tgħid li, “għaldaqstant, li jingħad li f’dan il-każ ġew attakkati żewġt irġiel qabel mal-vittma ġiet maqtula brutalment, ma jibdilx il-fatt li hemm kuntest tal-ġeneru fil-mod kif sar il-qtil”.

Fl-istqarrija ingħad ukoll li meta wieħed jiċħad dan fil-każ ta’ Paulina Dembska, ikun qiegħed iħassar ir-realtà tal-esperjenzi li jgħaddu minnhom in-nisa. 

Għaldaqstant, il-Malta Women’s Lobby temmen li wasal iż-żmien li tinbidel il-liġi Maltija dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika u li tħaddan id-definizzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-istqarrija tagħlaq b’appell fejn jingħad li, “il-liġi għandha tinbidel biex niżguraw li l-femiċidju huwa rikonoxxut bħala fattur aggravat ta’ omiċidju. Imbagħad ma jkun hemm ebda raġuni min-naħa tal-Pulizija li jnaqqsu l-importanza ta’ dan l-att kriminali abbażi tal-ġeneru”.

Ekonomija

Sport