L-attur Mario Micallef qasam ritratt u messaġġ sabiħ ferm hekk kif, waqt vista ta’ rutina f’Mater Dei, iltaqa’ ma uħud mill-infermiera li ħadu ħsiebu meta kien jinsab fl-ITU fil-perjodu meta kien marid bil-Covid-19.
“Jien sirt nafhom ilbieraħ, għax dawn ħadu ħsiebi f’dawk l-14 il-ġurnata meta jien kont intubat. Il-ferħ f’wiċċhom kien jidher evidenti meta rawni f’saħħti mill-ġdid. Is-sagrifiċċji li jagħmlu dawn in-nies, kultant anke personali jkun kbir. Is-sodisfazzjoni tagħhom ikun meta jaraw il-pazjent infejjaq mill-ġdid u fuq saqajħ,” qal Micallef.
Huwa żied jgħid: “Kif għidt f’kitbiet oħra, xogħolhom huwa vokazzjoni kbira. Jistħoqqilhom kull tifħir u rispett. Qed ngħid dan mhux biss għall-infermiera biss, imma għal kull individwu li jieħdu ħsieb il-pazjenti. Grazzi lin-nurse Sandy Zammit li laqqatni magħhom.”
Huwa rringrazzjahom ta’ kulma għamlu miegħu u mal-pazjenti l-oħra kollha u qal li kien biex xieraq li jieħdu dan ir-ritratt bħala rikordju ta’ esperjenza li minkejja xejn ma kienet sabiħa, imma li għal grazzja t’Alla, spiċċat b’wiċċ il-ġid.