Tuesday, April 23, 2024

Skejtbord, radio serial ġdid fuq Radju Malta

Aqra wkoll

Radju Malta kull nhar ta’ Sibt fid-9.30a.m. iwassal ir-radio serial bl-isem ta’ Skejtbord’. Dawn huma maħluqa minn Ray Muscat b’kitba ta’ Sonic-j-Aquilina. Id-direzzjoni hi f’idejn Manuel Cassar. Is-Sur Muscat hu assistent kap fi skola tal-istat, is-Sur Aquilina hu kordinatur mal-Aġenzija Support filwaqt li s-Sur Cassar huwa uffiċjal fit-teknoloġija tal-informatika fl-iskejjel tal-istat kif ukoll jgħallem id-drama fil-Malta School of Drama and Dance.                                           .

F’dan ir-radio serial jieħdu sehem fil-parti ewlenija: Alessandro Bondin (li jattendi l-iskola sekondarja taż-Żejtun), Mariah Martina Vella (li tattendi l-iskola Mater Boni Consilii St Joseph Paola). Dawn iż-żewġ studenti jattendu wkoll il-Malta School of Drama and Dance. Keiren Galea Falzon jmur il-Malta Visual Performing Arts il-Hamrun u jattendi wkoll l-iskola tat-teatru Mixta. Dan barra l-parteċipazzjoni ta’ diversi atturi oħra mill-Mixta bħal Susanne Calleja, Redeemer Galea, Yurgen Sciberras u oħrajn.

Ir-radio serial jiffoka fuq l-istorja ta’ tliet adolexxenti ta’ tlettax-il sena li jgħixu ħajja differenti minn ta’ xulxin imma jintebħu li għandhom ħafna affarijiet komuni. Il-ħajja ta’ adolexxent, speċjalment bejn tnax u ħmistax-il sena hija mimlija faxxinu u inċertezza fl-istess ħin. Il-faxxinu ġej mill-fatt li l-adolexxent irid dejjem jiskopri affarijiet ġodda. L-inċertezza tinħoloq għax l-adoloxxent inqata’ mit-tfulija imma ma jistax jissejjaħ adult. Imma s-sens ta’ avventura li huma mogħnija bihom l-adolexxenti tgħinhom jiskopru d-dinja ta’ madwarhom u jridu u ma jridux jibdew jifhmu ftit aħjar lil ta’ madwarhom u lilhom innifishom. B’hekk tinħoloq avventura bl-isem ta’ Skejtbord, fejn il-finzjoni u r-realtà jsiru ħaġa waħda u ninsew liema hi l-finzjoni u nsibuha diffiċli nagħrfu r-realtà!

Grazzi lid-direzzjoni ta’ Radju Malta li mhux biss qiegħed tagħti ċans lil dawn il-kittieba u atturi biex juru t-talent tagħhom iżda fuq kollox bis-saħħa ta’ dan ir-radio serial qiegħed tkompli tiġi promossa l-lingwa Maltija. It-tim tal-produzzjoni mistenni jieħu aktar inizjattivi fil-ġimgħat li ġejjin.

Sport