Sunday, December 22, 2024

Il-festa Maltija rrakkomandata għal-lista tal-UNESCO tal-Wirt Intanġibbli tal-Umanità

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-tradizzjoni tal-festa li tant hija għall-qalb il-poplu Malti u mfittxija mit-turisti li jiġu jżuruna ġiet irrakkomandata biex tkun inkluża mal-lista tal-UNESCO tal-Wirt Intanġibbli tal-Umanità.

Din l-aħbar pożittiva ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat Tekniku responsabbli se tkun diskussa x-xahar id-dieħel fil-konferenza tal-UNESCO f’Botwana. Jekk tgħaddi dan ikun ifisser li l-festa Maltija tingħata rikonoxximent internazzjonali importanti.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li min-naħa tiegħu sostna, “issa l-festa Maltija, li hija l-fulkrum ta’ ċelebrazzjoni fil-komunitajiet u l-pjazez tagħna b’element mill-aktar b’saħħtu f’pajiżna, qiegħda tiġi kkonsidrata għal dan ir-rikonoxximent għall-valuri kollha pożittivi li tiġbor fiha”.

Tajjeb li jingħad li wara dan is-suċċess fis-settur tal-kultura u dak kreattiv hemm ħidma sfieqa u investiment qawwi. Elementi li rajnhom f’dawn l-aħħar snin u reġggħu ġew ikkonfermati fil-Budget 2024. Għas-sena d-dieħla ġew allokati €20 milun oħra biex isssa, it-total ta’ investiment li sar f’dan is-settur qabeż il-€104 miljun u ċioè, €81 miljun aktar mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. 

Il-Ministru Bonnici ta dettalji kif se titqassmu l-€20 miljun tas-sena d-dieħla. Prinċipalment dawn huma:-  €6.5 miljuni f’xiri ta’ każini tal-Banda li huma f’riskju ta’ żgumbrament kawża tal-liġijiet antiki tal-kera; il-vot ta’ restawr tal-fortijiet żdied minn €2 miljuni għal €3.5 miljuni; €2.5 miljuni se jmorru għal titjieb fis-sistemi tal-PBS; żieda ta’ kważi €600,000 f’investiment li se jkompli jtejjeb it-Teatru Manoel; €1.7 miljun se jmorru fil-Malta Biennale u hemm żieda ta’ €3.2 miljun għad-diversi entitajiet kulturali pubbliċi fosthom l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali li żdiedu b’madwar €600,000, il-Festivals Malta b’€400,000 mentri l-Heritage Malta ġiet allokata €800,000.

Investiment fil-pedament tal-identità u l-memorja kollettiva ta’ nazzjon

Fir-rigward il-Ministru Owen Bonnici qal li, “il-kultura, l-arti u l-wirt nazzjonali huma l-pedament tal-identità u l-memorja kollettiva ta’ nazzjon. Dawn jiġbru l-assenza ta’ soċjetà, jirriflettu l-valuri, l-Istorja u l-aspirazzjonijiet tagħna bħala poplu. L-arti u l-kultura huma l-bażi fertili għall-innovazzjoni u l-kreattività li jipprovdu pjattaforma għall-esperimentazzjoni u l-espressjoni.

Għaldaqstant, l-investiment fi sforzi artistiċi bħalma huma l-films, il-letteratura, il-mużika u l-arti viżiva jrawwem ambjent li jwassal għal skoperti u oriġinalità. Din l-enerġija kreattiva testendi lil hinn mill-isfera tal-arti u tinxtered f’setturi oħra tas-soċjetà”.

Fil-fatt, il-ħidma tal-Gvern Laburista f’dan is-settur tidher u qiegħda tħalli l-frott. B’għaqal qiegħed jinvesti fil-kultura, fl-arti u fl-ekonomija kreattiva. F’dan is-settur rajna lill-Kunsill Malti għall-Arti jkompli jissaħħaħ. Din is-sena kien hemm 17-il skema ta’ finanzjament b’disa’ minnhom ġodda li jinkludu s-Sabbatiku għar-Riċerka Artistika u dik tal-Micro Grant. Din tal-aħħar għenet kantanti u gruppi mużikali lokali jirrekordjaw il-mużika tagħhom.  

Din is-sena wkoll ġie mtella’ l-ewwel padiljun Malti fil-London Design Biennale fejn ġie esebit is-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna. Dan ġie segwit minn padiljuni oħra ta’ suċċess f’festivals internazzjonali fosthom il-Biennale ta’ Venezja. L-għajnuna fis-settur tal-arti kompliet bl-introduzzjoni ta’ taxxa mnaqqsa għal 7.5% fuq l-ewwel €30,000 dħul għall-attivitajiet artistiċi.

Tnediet ukoll l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Performattiva (ANAP) li min-naħa tagħha tipprovi qafas legali, amministrattiv u organizzattiv għal KorMalta, TeatruMalta u ZfinMalta. “Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa bħala parti mit-twaqqif u t-tisħiħ tat-Teatru Nazzjonali għal aktar żvilupp fis-setturi kulturali u kreattivi,” speċifika l-Ministru Bonnici.

Imma, wieħed mill-akbar investimenti li qiegħed isir u se jkompli jsir f’dan is-settur huwa wkoll marbut mal-festi tradizzjonali Maltin – dak tal-finanzjament b’investiment komplessiv ta’ nofs milun ewro għas-sena 2023 li jolqot l-oqsma tal-armar, tal-piroteknika u s-soċjetajiet mużikali. Hawn il-Ministru Bonnici spjega li, “inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mit-tisħiħ tat-tradizzjonijiet lokali u l-wirt kulturali tagħna. Qegħin nibnu fuq il-passat u ninvestu lejn il-futur ta’ dawn it-tradizzjonijiet”.

Fil-fatt, huwa ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se titkompla l-faċilitazzjoni u l-immaniġjar tax-xiri tal-każini tal-banda wara li diversi sidien esprimew ix-xewqa li jbiegħu s-sehem tagħhom fosthom is-sidien tal-binja mikrija lis-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid. “Dan apparti mir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni marbuta mas-Soċjetà Stella Maris ta’ Tas-Sliema. Għandna wkoll ħames konvenji oħra pendenti u għaddejjin taħdidiet fuq erba’ proprjetajiet oħra. L-għan huwa li l-każini jkunu protetti minħabba l-importanza soċjali u kulturali tagħhom,” żied il-Ministru Bonnici.

Ix-xogħol li beda u dak li sar din is-sena

Din is-sena l-Heritage Malta kompliet u se tiffinalizza x-xogħlijiet ta’ restawr il-Palazz tal-Gran Mastru li fit-total tiegħu huwa stmat li se jiswa aktar minn €30 miljun; dawk marbuta mal-proġetti tal-ERDF; xogħlijiet biex l-Armerija titla’ fejn qabel kien hemm il-Parlament; u x-xogħlijiet fil-Piano Nobile li jinkludu spazji li jintużaw mill-uffiċċju tal-President. 

Mal-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru, tkompla x-xogħol fil-bina tal-Main Guard, faċċata l-palazz.  Ir-restawr tal-binja, kif ukoll esperjenza ġdida, għandhom jibdew sal-ewwel nofs tal-2024.

Sadanittant, it-tisħiħ ta’ dan is-settur kompla fost l-oħrajn b’xogħol fil-Mużew Marittimu; f’Villa Portelli u l-ġonna ta’ madwarha; xogħol fil-Forti Delimara; ieħor fuq l-art ta’ Borġ in-Nadur biex ikunu protetti fdalijiet ta’ Żmien il-Bronż; kompla l-iżvilupp tal-proġett tal-Park ta’ Għar Dalam; kompla l-iskavar ta’ fdalijiet fi Xrobb l-Għaġin; skavar f’diversi żoni ta’ Domvs Romana fir-Rabat; ġie nawgurat l-ewwel Park Arkeoloġiku f’Baħar li jinsab lil hinn mix-Xlendi Għawdex; xogħol ta’ rinovar fil-kwartieri ta’ Heritage Malta; u d-Direttorat tar-Restawr ġie elevat għal Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

Ritratt: Roger Azzopardi

Matul ll-2023 sar xogħol kbir ta’ restawr b’nefqa totali ta’ €3.5 miljun fosthom dak fuq swar, kif ukoll proġetti li saru bi sħab mal-Kunsilli Lokali li jinkludi restawr ta’ kappelli, zuntieri u niċeċ.

Il-ħidma ikompli

Waħda mill-aktar attivitajiet mistennija għas-sena d-dieħla huwa l-maltabiennale.art, festival internazzjonali tal-arti kontemporanja. Dan se jittella’ bejn il-11 ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Meju madwar Malta u Għawdex li se jkun fih 2,527 proposta ta’ arti kontemporanja. Dan il-festival se  jkun mifrux ma’ siti differenti li għandhom elementi ta’ storja. Primarjament is-siti storiċi magħżula huma dawk ikkurati minn Heritage Malta. Din l-attività wkoll għandha rabtiet mal-UNESCO hekk kif se tittella’ taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta u organizzata bil-patroċinju tal-UNESCO.

Il-maltabiennale huwa l-ewwel fix-xorta tiegħu f’pajjiżna li bih pajjiżna se jitpoġġa fuq il-mappa kulturali dinjija.

Is-sena d-dieħla wkoll mistennija toħroġ seħja għall-offerti fuq ix-xogħlijjiet ta’ restawr tas-swali ta’ Piano Nobile, fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, li qiegħed jiċċelebrra l-50 Anniversarju mill-ftuħ tiegħu, is-sena d-dieħla wkoll se jara investiment. Dan se jkun ta’ madwar €300,000. 

Fl-2024 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fost l-oħrajn se tkun qiegħda torganizza aħjar ir-repożitorju tagħha li jinsab fil-Kottonera, għandha l-pjjan li tinstalla mobile site u se tibda proġett ta’ survey wiesgħa fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCAs).

Proġett ambizzjuż li għalih id-Direttorat tal-Kultura diġà beda l-proċess huwa dak tal-konsultazzjoni wiesgħa li għandu jwassal għat-tfassil ta’ dokument nazzjonali dwar il-ġustizzja kultura. Iżda, mhux biss.

Direttorat li jippromwovi u jirrapreżenta lil pajjiżna…

Dan id-Direttorat huwa l-istess entità li wassal għar-rakkomandazzjjoni prestiġġjuża lill-UNESCO dwar il-festi Maltin. Fil-fatt, matul l-2023 id-Direttorat tal-Kultura kompla jsaħħaħ il-ħidma tiegħu fuq il-wirt intanġibbli nazzjonali. Barra milli kompla bix-xogħol siewi mill-qrib mal-esperti Maltin u mal-UNESCO fin-nomina tal-festa Maltija bħala wirt intanġibbli tal-umanità, dan kompla jwessa’ l-inventarju nazzjonali, kif ukoll iħejji u jassisti lill-komunitajiet fit-tħejjija ta’ nominazzjonijiet oħra quddiem l-UNESCO fl-arti effimera (arti bl użu ta’ materjal naturali l-melħ u smit, petali tal-fjuri) u anke l-bizzilla. 

Dawn huma ftit mill-ħafna responsabiltajiet u xogħol li qiegħed jagħmel id-Direttorat. Oħrajn jinkludu li r-responsabbiltà li ħa tal-Belt Valletta bħala patrimonju dinji tal-UNESCO; xogħol fuq pubblikazzjoni annwali; kompla bil-programm Culture Pass u dmirijiet ta’ rappreżentanza fil-UE.

Filwaqt li elenka ħidma intesiva mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, mill-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattività, mill-Arkivji Nazzjonali, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u minn Festivals Malta, il-Ministru Bonnici qal li l-management tat-Teatru Manoel se jkun qiegħed jibda ix-xogħol ta’ restawr fuq il-kumpless tat-teatru minn naħa ta’ Triq it-Teatru l-Antik għal Triq Żekka, liema xogħol se fi Frar 2024 u mistenni li jkun lest f’Marzu 2025.

Tkabbir ekonomiku u opportunitajiet ta’ xogħol

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-industrija kulturali u kreattiva huma muturi sinjifikanti fit-tkabbir ekonomiku fid-dinja kontemporanja. “Barra minnhekk, dawn is-setturi għandhom il-potenzjal li jbiddlu għadd kbir ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, li jvarjaw minn artisti sa tekniċi, kuraturi u ppjanaturi tal-avvenimenti. Billi jallokaw fondi biex jappoġġjaw intrapriżi kulturali, il-gvernijiet jistimulaw l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni ekonomika. Huwa proprju għalhekk li rridu nkomplu ninvestu. Ninvestu kif għamilna f’dawn l-aħħar snin u se nkomplu hekk kif ikkonfermajna riċentement bil-miżuri li ħabbarna fil-Budget 2024,” qal b’konvinzjoni l-Ministru Bonnici.

Huwa insista li l-benefiċċji ta’ allokazzjonijiet bħal dawn jestendu ferm lil hinn mill-oqsma tal-kreattività u l-estetika. Dawn jinkludu t-tkabbir ekonomiku, l-influwenza internazzjonali, l-edukazzjoni u l-koeżjoni soċjali. 

“Gvernijiet li jagħtu prijorità lil dawn l-oqsma, jirrikonoxxu li r-rikkezza kulturali ta’ nazzjon hija sors ta’ saħħa, li tgħaqqad lin-nies tagħha u tmexxihom lejn futur isbaħ u aktar b’saħtu. Huwa permezz ta’ dan l-appoġġ iddedikat li Malta u Għawdex tagħna, li verament nippreservaw l-wirt li ħallewlna missiriejtna u nassiguraw li ngħadduh lil dawk li ġejjin warajna,” temm il-Ministru Owen Bonnici.

Ekonomija

Sport