L-istaġun tal-festi beda jirranka sew. Minkejja s-sħana qawwija li qiegħda u se tkompli tippersisti fuq il-gżejjer Maltin, dan xejn mhu jaqta’ qalb id-dilettanti li qed jaħdmu qatigħ sabiex fl-ibliet u l-irħula tagħna tkun iċċelebrata kif jixraq il-festa li fiha jonoraw lill-qaddis jew qaddisa tal-lokalità tagħhom.
Minn dak li rajna u għadna qegħdin naraw, il-festi għadhom ferm għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, u ħafna huma dawk li jqisuhom bħala l-aktar ħaġa importanti mill-kultura Maltija. Fil-fatt, il-festi f’pajjiżna għadhom popolari u mfittxija minn eluf ta’ nies, mhux biss min-nies tal-lokal imma wkoll nies minn bnadi oħra li jħobbu jżuru l-festi fl-irħula u fl-ibliet. Minbarra li l-festi huma element ta’ folklor, huma wkoll wirt li ħallewlna ta’ qabilna.
Quddiem dan kollu, ta’ min wieħed ta’ ifaħħar il-ħidma kontinwa mill-ħafna voluntiera li jaħdmu qatigħ matul is-sena kollha bi preparazzjoni għall-ġimgħa tal-festa. Jiġuna f’moħħna l-organizzazzjonijiet volontarji relatati mal-festi bħal każini tal-baned, organizzazzjonijiet tal-armar tal-festi u assoċjazzjonijiet tal-kmamar tan-nar.
Il-ħidma imprezzabbli tagħhom qed jirrikonoxxiha wkoll il-Gvern tant li minn sena għall-oħra qed ikompli jżid l-allokazzjoni għall-festa Maltija u b’hekk ikompli jappoġġja u jissalvagwardja dawn it-tradizzjonijiet. Qatt daqs illum ma qed naraw dawn il-festi jikbru permezz tal-għajnuna li qed jingħataw mill-Istat. Tant hu hekk li l-UNESCO ddikjarat lill-festa Maltija bħala wirt kulturali intanġibbli.
Nemmnu għalhekk li għandha tkompli l-ħidma biex naraw li dawn it-tradizzjonijiet kif ukoll il-volontarjat f’dak li jirrigwardja l-qasam kulturali, jibqgħu jiġu msaħħa. Dawn huma tradizzjonijiet li fuq kollox qegħdin ukoll jinżlu tajjeb ferm mat-turisti li jżuruna, li għalihom dawn ikunu esperjenzi li ma jinsewhom qatt filwaqt li jaqsmu dak li jkunu raw ma’ familjari jew ħbieb tagħhom’il bogħod minn xtutna.
Quddiem dan kollu, nemmnu li tradizzjonijiet bħal dawn m’għandhom jinqatgħu qatt sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri japprezzaw aktar ix-xogħol siewi li sar u li qiegħed isir biex jittellgħu festi ta’ din il-portata li dawn il-gżejjer huma magħrufa sew għalihom u anke forsi jkun hemm min jidħol huwa wkoll jagħti sehmu u b’hekk dawn it-tradizzjonijiet ikomplu għaddejjin.




