Monday, July 13, 2026
Home Aħbarijiet ‘Young Artists, Big Impact’ tirritorna għat-tieni edizzjoni

‘Young Artists, Big Impact’ tirritorna għat-tieni edizzjoni

0
5

Permezz tal-arti, tfal madwar Malta u Għawdex qed jippromwovu s‑17‑il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti bħala parti mill‑‘Young Artists, Big Impact’ Children’s Art Exhibition li qed issir fil‑MUŻA – il‑Mużew Nazzjonali tal‑Arti Komunitarja.

Din l‑inizjattiva, organizzata mid‑Direttorat għall‑Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il‑Ministeru għall‑Enerġija, l‑Ambjent u r‑Riġenerazzjoni tal‑Port il‑Kbir, tpoġġi l-perspettivi tat-tfal fil-qalba tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta.

Permezz ta’ espressjonijiet artistiċi varji, fosthom pitturi, letteratura, skulturi u vidjografija, tfal u żgħażagħ qasmu l‑interpretazzjoni tagħhom tal‑pilastri ambjentali u soċjoekonomiċi tal-iżvilupp sostenibbli.

Il‑Ministru għall‑Enerġija, l‑Ambjent u r‑Riġenerazzjoni tal‑Port il‑Kbir Miriam Dalli ltaqgħet ma wħud mill‑istudenti u esprimiet l‑ammirazzjoni tagħha għall-kreattività, il‑ħila u l‑għarfien tagħhom dwar l‑SDGs u d‑dinja ta’ madwarhom. “L‑iskulturi u x-xogħlijiet artistiċi maħduma minn dawn l‑istudenti juru kif, minkejja l‑età żgħira tagħhom, diġà għandhom għarfien tal‑aspetti differenti tas‑sostenibbiltà – mill-benesseri tan-nies u l-komunitajiet, sal-ħarsien tal-ambjent u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Permezz ta’ din il-wirja, it-tfal qed iwasslulna l-fehmiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom għal futur aħjar. Il-messaġġ tagħhom huwa sempliċi iżda b’saħħtu; kull persuna għandha l-kapaċità li tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà u l-ambjent ta’ madwarna,” qalet il-Ministru.

Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, it-tieni edizzjoni tal-wirja espandiet il-firxa tagħha biex tilqa’ studenti mir-raba’ sat-tmien sena. Il-wirja ġibdet 155 sottomissjoni minn 18-il skola madwar Malta u Għawdex, b’kull biċċa xogħol tirrifletti l-għarfien tal-istudenti dwar l-SDGs, b’enfasi partikolari fuq il-ħarsien tal-ambjent u l-benesseri soċjali.

L‑iskejjel li pparteċipaw kienu: De La Salle Junior (Birgu), Archbishop Seminary (Rabat), Ġużé Aquilina Primary (Sannat), Dr Frans Chetcuti Primary B (Żabbar), Ġużeppi Maria Caruana Primary B (Żejtun), Leli Camilleri Primary (Żurrieq), St Edward’s Junior and Middle School (Birgu), St Francis Primary (Birkirkara), Bice Mizzi Vassallo Primary (Pembroke), St Martin’s College (Swatar), St Dorothy’s Junior School (Sliema), Ġużeppi Aġius Primary (Paola), Madonna tal-Mensija Primary (San Ġwann), Patri Feliċ Sammut Primary (San Pawl il‑Baħar), St Francis Primary (Cospicua), Carlo Diacono Secondary (Żejtun), The Malta Visual and Performing Arts School, u Hand in Hand.

Francine Pace Caruana, Direttur għall‑Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l‑istess Ministeru, spjegat kif fil-qalba ta’ din l-inizjattiva hemm il-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva, filwaqt li enfasizzat ir-rwol importanti tat-tfal bħala aġenti tal-bidla li qed jippromwovu s-sostenibbiltà permezz tal-kreattività artistika tagħhom.

Il‑wirja hija miftuħa ġewwa MUŻA mit‑Tlieta, 7 ta’ Lulju sal‑Ħadd, 19 ta’ Lulju. Il‑ħinijiet tal‑ftuħ matul il-ġimgħa huma mill-10:00 sas-18:00. l-għalliema u l-pubbliku ġenerali huma mistiedna jżuru din l-esibizzjoni u u jispiraw ruħhom mill-messaġġ qawwi favur is-sostenibbiltà li t-tfal qed iwasslu permezz tax-xogħlijiet artistiċi tagħhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here