Il-Kardinal Mario Grech, filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għall-qadi tagħhom lir-Repubblika bħala kustodi tal-buon ordni, appellalhom biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem kull xorta ta’ persekuzzjoni, u li huwa importanti li fil-ħidma tagħhom ikunu ggwidati mir-raġuni retta u mill-Vanġelu.
“L-għaqal u l-prudenza jkunu għalikom bħal żewġ ġwienaħ li fit-twettiq ta’ dmirijietkom jerfgħukom mit-tajn tad-dinja. L-Ispirtu s-Santu jakkumpanjakom biex tibqgħu tikkonsolidaw it-tajjeb u trażżnu l-ħażin,” qal il-Kardinal Grech fl-omelija tiegħu f’Quddiesa li ċċelebra fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija.
Huwa sostna li kull ġest awtentiku ta’ ġustizzja huwa mwettaq f’isem Alla, għax jipparteċipa fl-istess ħidma tiegħu: li jerfa’ lil min jaqa’, isostni lil min hu oppress, u jkisser il‑ktajjen tal‑ħażen.
Tenna li proprju għalhekk, min jidħol f’din il‑missjoni jiltaqa’ wkoll mal‑wiċċ l-ieħor tal-verità evanġelika: “ir‑reżistenza, l‑ostilità, u xi drabi anki l‑mibgħeda. Il‑ħażen ma jiflaħx jiġi mxekkel; l‑inġustizzja ma tippermettix li tiġi mħarrka; il-gidba tiżbel meta tinkixef; il‑poteri li jrażżnu ma jaċċettawx li jiġu kkontestati.”
“U hekk, min jiddefendi lill‑iżgħar, min jipproteġi lill‑vulnerabbli, min joqgħod kontra l‑loġika tal‑vjolenza, min jieqaf lill-kriminali, jispiċċa kważi inevitabbilment fil‑mira. Din hija dinamika antika fl‑istorja tagħna l-bnedmin: l‑irġiel u n‑nisa li għażlu l‑verità dejjem iltaqgħu mal‑ostilità; din hija dinamika antika tal-Korp tal pulizija tul dawn il-212 sena mit-twaqqif tiegħu. Konvint li l-annali tal-istorja tal-Korp huma mżejna b’għadd ġmielu ta’ fizzjali u kuntistabbli li għax mdawla bil-fidi jew bir-raġuni retta taw xhieda ta’ sens qawwi ta’ rġulija, sabu ruħhom ippersegwitati. Imma huma dawn li kienu t-tarka u s-sinsla tas-socjetà – kienu dawn li żammew fl-għoli l-isem tal-Korp!”, qal il-Kardinal Grech.
Huwa kompla jgħid li l-prudenza hi l-ħila li wieħed ikun kapaċi jistenna, li jagħti ż-żmien lill-verità biex toħroġ fil-beraħ. Qal li l-prudenza hi l‑intelliġenza tas‑sentinella tal-għabex ta’ filgħodu li taf tistenna u tħares ’il quddiem; hija x‑xewqa li tara kollox fid‑dawl li wieħed ikun jaf jistenna l‑mument opportun biex jaġixxi, meta kollox ikun fid‑dawl tal‑ġurnata, hija għaqal li jnissel paċi fil‑qalb.
“Il‑prudenza, f’dan is-sens, mhijiex biss mod kif wieħed jasal fejn irid, iżda hija stil ta’ ħajja li jħaddan il‑verità. Hija stedina biex li ma naġixxux fl‑għama, li ma nħaffux iż‑żminijiet, li ma nippruvawx nikkontrollaw dak li għad irid jikber,” sostna l-Kardinal Grech.
Barra minn hekk, huwa fakkar li l-għaqal (astuzja) hu l-ħila li wieħed jisma’ u jara fil-fond, mhux biss dak li jingħad u jsir, iżda wkoll il-motivazzjoni wara l‑kliem li jingħad u l-konsegwenzi tal‑għemil. “Ħdejn dak li jingħad u jsir hemm ukoll dak li ma jingħadx u ma jsirx: l‑għaqal jiddistingwi b’mod ċar dak li ħafna ma jindunawx bih!”.




