Sunday, December 22, 2024

Il-Festival tal-Mużika Elettronika Circuits jirritorna għas-sitt edizzjoni tiegħu

Aqra wkoll

Electronic Music Malta (EMM), il-benniena tal-mużika elettronika kontemporanja f’Malta, bħalissa qed torganizza l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Circuits, li se jsir bejn it-23 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Diċembru 2021. Il-festival se jinqasam f’żewġ partijiet: weekend tal-festival fit-23 u l-24 ta’ Ottubru, fejn se jittellgħu diversi spettakli, taħditiet pubbliċi, workshops u preżentazzjonijiet fi Spazju Kreattiv; u tliet attivitajiet oħra li se jsiru matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru.

“Il-festival ta’ din is-sena se jservi wkoll ta’ vetrina għall-proġetti ewlenin tal-EMM Away from the Comfort Zone, Storbju u Elektronika,” qal Luc Houtkamp, Direttur Artistiku tal-EMM. “Din is-sena, Away from the Comfort Zone se jiffoka fuq l-internazzjonalizzazzjoni u se jżewweġ mużika elettronika u artisti performattivi Ġermaniżi, Netherlandiżi, Belġjani u Taljani ma’ artisti Maltin, fi spettakli li se jintwerew għall-ewwel darba waqt il-weekend tal-festival.”

Għall-proġett Away from the Comfort Zone, il-kantanta Maltija Clare Ghigo se tkun qed tagħti wirja flimkien mal-mużiċist elettroniku Taljan Paolo Gatti; l-artist Malti tal-mużika elettronika Neil Hales (Acidulant) mat-trumbunist Netherlandiż Wolter Wierbos; iż-żeffiena Maltija Rochelle Gatt mal-mużiċista elettronika Ġermaniża Sabine Ercklentz; u d-duo elettroniku Malti/Belġjan Ayn il-Widen (Kurt Buttigieg u Carla Said) se jkun fuq il-palk mal-artist vokali Netherlandiż Han Buhrs.

Waqt il-weekend tal-festival se jittellgħu wkoll żewġ kunċerti ta’ mużika elettronika kontemporanja, wieħed mill-kompożitur Iranjan/Netherlandiż Siamak Anvari u l-ieħor mill-pjanista Belġjana Marlies Debacker.

“Wara s-suċċess tas-sena l-oħra bit-tnedija ta’ Storbju Noise Monger, li kien l-ewwel apparat tas-synthesiser iddisinjat u mibni minn Malti, din is-sena se jiġi mniedi apparat ġdid fjamant bl-isem Storbju Terramaxka,” ħabbar Edwin Balzan, Direttur Ġenerali tal-EMM. Dan l-apparat ġie ddisinjat u maħdum minn Mike Desira u se jkun għall-bejgħ, kompletament armat u bi prezz li jintlaħaq, mis-sit elettroniku ta’ Circuits.”

It-taħditiet u l-workshops li se jittellgħu f’Circuits ta’ din is-sena jinkludu preżentazzjoni dwar il-proġett storjografiku Elektronika, li qed jitmexxa f’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni M3P, kif ukoll sessjonijiet dwar il-produzzjoni tal-mużika, l-għarfien dwar il-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur u l-mużika, l-għarfien dwar is-saħħa tas-smigħ, u l-kompożizzjoni, fost ħafna oħrajn. Il-workshops li se jsiru waqt il-festival ġew organizzati bi sħab ma’ Sawtooth Audio Academy. 

Ekonomija

Sport