Il-Fifa fetħet proċeduri dixxiplinarji kontra l-FA Urugwajana u erba’ players dwar l-imġieba tagħhom fi tmiem l-aħħar logħba tagħhom mill-Fażi tal-Gruppi tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ghana.
L-Urugwaj għelbu lill-Ghana 2-0 iżda spiċċaw eliminati għax spiċċaw fit-tielet post minħabba kien l-Korea t’Isfel li kkwalifikaw minħabba differenza ta’ goals aħjar.
Mat-tisfira finali, il-players tal-Urugwaj irreaġixxew b’mod rabjuż meta kkonfrontaw lir-referee u lill-assistenti tiegħu wara li naqsu milli jordnaw għal penalty għal foul ta’ Alidu Seidu fuq Darwin Nunez.
Jose Maria Gimenez, Edinson Cavani, Fernando Muslera u Diego Godin kollha mistennija jiffaċċjaw sospensjoni għal ksur tal-kodiċi dixxiplinarju tal-FIFA relatat ma’ mġieba offensiva u kondotta ħażina.
L-FA Urugwajana qedv tiffaċċja azzjoni għall-istess ksur tal-kodiċi, kif ukoll ieħor relatat mad-diskriminazzjoni.
Il-FIFA fetħet ukoll proċeduri kontra l-FA tas-Serbja b’rabta ma’ “inċidenti” waqt it-telfa tagħhom ta’ 3-2 kontra l-Isvizzera fl-aħħar logħba tagħhom minn Grupp G.
Il-korp governattiv dinji ma speċifikax l-inċidenti, iżda lill-partitarji Serbi qalulhom waqt il-partita biex “iwaqqfu kull kant u ġesti diskriminatorji”.
Is-Serbja kienu diġà taħt investigazzjoni mill-FIFA wara li t-team dendel bandiera kontroversjali tal-Kosovo fid-dressing room tagħhom qabel it-telfa kontra l-Brażil fl-ewwel logħba tal-grupp.