Wednesday, April 24, 2024

“Kienu lesti jirriskjaw ħajjithom … mhux aċċettabbli li ma jkollhom informazzjoni korretta fil-ħin” 

Il-Ministru Byron Camilleri jitkellem dwar l-inċident tas-Sibt f’Kordin

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri tkellem dwar l-inċident tas-Sibt li għadda f’sit ta’ kostruzzjoni li tinsab fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.

F’dan l-inċident, tilef ħajtu traġikament ġuvni ta’ 20 sena – Jean Paul Sofia – filwaqt li tliet ħaddiema weġġgħu serjament u żewġ ħaddiema oħra weġġgħu gravi. Il-Ministru Camilleri rrefera għall-ħidma tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex isalvaw lil dawk maqbuda qalb it-tifrik. 

Qal li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu lesti jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor. “Jiena rajt persuni joħorġu mill-konkos frisk li waqa’ dak il-ħin. L-akbar kisba meta jsalvaw persuna però tara diqa meta jsibu persuna mejta,” qal il-Ministru Camilleri. 

Huwa kompla billi saħaq li mhux aċċettabbli li l-Forzi tal-Ordni ma jkollhomx informazzjoni korretta fil-ħin. “Kien hemm mumenti fejn mill-informazzjoni li bdiet ġejja minn kullimkien ma kinux ċerti kemm kien hemm persuni ġewwa. Dak il-ħin partikolari, dawn il-persuni jridu jaħdmu f’sens ta’ inċertezza.”

Il-Ministru Camilleri appella wkoll għar-responsabbiltà fejn saħaq li huwa essenzjali li tingħata l-informazzjoni korretta fuq il-post biex il-ħaddiema tas-salvataġġ ikunu jistgħu jaħdmu.

Sport