Tuesday, April 30, 2024

Il-FIFA tiddeċiedi li l-logħba Brażil kontra Arġentina għandha terġa’ issir

Aqra wkoll

Il-FIFA kkonfermat li l-logħba kontroversjali bejn il-Brażil u l-Arġentina, li tgħodd għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022, se terġa’ tintlagħab, wara li l-Kumitat tal-Appelli tagħha ċaħad l-appell taż-żewġ federazzjonijiet naz­zjonali konċernati.

Dan il-konfront, oriġinarjament skedat għall-5 ta’ Settembru f’Sao Paulo, ġie interrott wara biss ħames minuti logħob fuq intervent tal-awtoritajiet tas-saħħa lokali, imbagħad erba’ players tal-Albiceleste li jilagħbu fl-Ingilterra ġew akkużati li kisru l-protokoll tal-kwarantina kontra l-Covid-19.

Rappreżentanti tal-aġenzija tas-saħħa Anvisa u l-pulizija federali kienu daħlu fil-ground biex itemmu l-logħba, f’konfużjoni totali.

Fi Frar il-FIFA ddeċidiet li tordna li l-partita terġa’ ssir, u li tissospendi erba’ players Arġentini għal żewġ logħbiet.

Il-Federazzjoni Arġentina (AFA) u dik Brażiljana (CBF), suġġetti wkoll għal multi minħabba diversi ksur tar-regoli, kienu ħabbru dan wara l-appell.

“Il-Kummissjoni tal-Appelli kkonfermat li l-partita se jkollha terġa’ tintlagħab u tinżamm il-multa ta’ 50,000 frank Żvizzeru (madwar €48,000) imposta fuq kull waħda miż-żewġ federazzjonijiet minħabba l-waqfien finali tal-partita,” qalet il-Federazzjoni Internazzjonali fi stqarrija.

Il-Kummissjoni naqqset ukoll il-multa imposta fuq is-CBF minn 550,000 frank Żvizzeru għal 250,000 (madwar €240,000), u dik tal-AFA minn 250,000 frank Żvizzeru għal 100,000 (madwar €95,000).

Il-waqfa finali ta’ din il-partita ma waqqfitx lill-Brażil ta’ Neymar u l-Arġentina ta’ Lionel Messi milli sussegwentement jissiġillaw posthom fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar li se jsiru bejn il-21 ta’ Novembru u t-18 ta’ Diċembru.

Ikun xi jkun ir-riżultat, il-Brażiljani huma ċerti li jispiċċaw fil-quċċata tal-klassifika, u l-Arġentini fit-tieni post.

Iż-żewġ pajjiżi għandhom jerġgħu jiltaqgħu x-xahar id-dieħel f’partita ta’ ħbiberija fil-Melbourne Cricket Ground fl-Awstralja.

Sport