Sunday, January 19, 2025

Il-finanzi pubbliċi jissaħħu ferm aktar milli mistenni

Aqra wkoll

Fit-tielet kwart tal-2024 il-Gvern kellu surplus ta’ €29 miljun, kontra defiċit ta’ €75 miljun fl-istess perijodu tal-2023. Dan jindika li minkejja li l-Gvern qed jagħti għajnuna qawwija fejn tidħol inflazzjoni ta’ prezzijiet tal-fjuwil u enerġija, xorta l-finanzi pubbliċi tjiebu sostanzjalment, bl-ewwel surplus osservat mill-2019’l hawn. 

Id-dħul tal-Gvern żdied bi kważi €339 miljun jew b’21% imqabbel ma sena qabel. Saħansitra d-dħul kien aktar minn tlett kwarti ta’ biljun ewro ogħla mill-2019. 

B’kuntrast matul it-tielet kwart tal-2024 l-ispiża żdiedet b’14%. Dan minħabba nvestiment addizjonali fuq benefiċċji soċjali u għajnuna lill-familji, kif ukoll titjib fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. 

Kumparat mal-kwart ta’ qabel, id-dejn pubbliku naqas b’€49 miljun, mentri l-garanziji tal-Gvern naqsu b’€17 miljun. Bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali d-dejn nazzjonali issa naqas għal 45%.

Dawn ir-riżultati finanzjarji meta wieħed iħares lejn il-perijodu minn Jannar sa Settembru jsib li kien hemm deficit ta’ €49 miljun biss. Li jfisser titjib ta’ €290 miljun kumparat mas-sena ta’ qabel. Fid-diskors tal-Budget f’Ottubru li għadda, l-Ministru tal-Finanzi bassar li fuq sena sħiħa t-titjib fid-deficit se jkun ta’ €35 miljun biss.  Dan ifisser li sakemm ma jkunx hemm tkabbir qawwi fid-deficit fl-aħħar kwart tas-sena, żvilupp improbabbli meta wieħed iħares lejn dak li seħħ fl-ewwel disgħa xhur tas-sena, x’aktarx li d-deficit se jkun ferm anqas minn dak imbassar fil-Budget.

Sa Settembru d-dejn tal-Gvern kien ilaħħaq €10 biljun. Fid-diskors tal-Budget il-Gvern bassar li d-dejn nazzjonali jilħaq €11.1 biljun sal-aħħar tas-sena u jkun kważi 50% tal-ġid nazzjonali. Anke hawnhekk jirriżulta li fl-aħħar tlett xhur tas-sena ma jidhirx li kien hemm bżonn daqstant finanzjament u allura l-Gvern ser ikun qed imur ferm aħjar mill-miri finanzjarji li kellu.

Raġuni ewlenija wara dan kollu kien il-fatt li l-ekonomija Maltija reġgħet issorprendiet bil-kbir u kibret ferm aktar milli kienu qed ibassru l-esperti. Dan minkejja li barra minn Malta l-andament ekonomiku sejjer mill-ħażin għall-agħar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport