Saturday, December 21, 2024

Il-Finlandja trid tissieħeb fin-NATO malajr kemm jista’ jkun… Tħassib mir-Russja

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Finlandja qalet li se tkun qiegħda tapplika biex tissieħeb fin-NATO “malajr kemm jista’ jkun”, bl-Iżvezja wkoll mistennija twettaq dan il-pass. Dan kollu qiegħed iseħħ fid-dawl tal-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. 

L-azzjoni militari Russja qiegħda twassal biex l-alleanza tan-NATO tkompli tespandi biex b’hekk tilqa’ għat-theddida ta’ Vladimir Putin. Id-deċiżjoni ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi Nordiċi hija waħda sinjifikanti ħafna u dan hekk kif dawn abbandunaw l-istatus ta’ newtralità li segwew matul il-Gwerra l-Bierda. Jekk iseħħ, dan ikun l-iktar pass drastiku fis-sigurtà tal-Ewropa f’dawn l-aħħar deċenji. Id-deċiżjoni tal-Finlandja xejn ma niżlet tajjeb mar-Russja tant li din qalet li se tkun qiegħda tati risposta. 

Din ma kinitx l-unika aħbar ħażina għar-Russja, hekk kif f’dawn l-aħħar jiem il-forzi Ukreni komplew jimbuttaw ’il barra lit-truppi Russi minn reġjun madwar it-tieni l-ikbar belt Ukrena, Kharkiv. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li l-Finlandiżi se jkunu milqugħa f’din l-alleanza u wiegħed li l-proċess tas-sħubija se jkun wieħed “veloċi u mingħajr intoppi”.

Il-Finlandja u l-Iżvezja, bis-sħubija tagħhom, se jkomplu jkabbru l-frun­tiera tal-alleanzja mmexxija mill-Istati Uniti, u b’hekk jekk kollox imur sew is-suldati tan-NATO se jkunu biss ftit kilometri bogħod mill-belt ta’ St Petersburg. Stqarrija konġunta maħruġa mill-President Sauli Niinisto u l-Prim Ministru Sanna Marin tal-Finlandja kienet tgħid li, “aħna nisperaw li l-passi nazzjonali li għad iridu jittieħu jsiru malajr biex tittieħed deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun.”

Meta kelliemi għall-Kremin kien mistoqsi dwar jekk is-sħubija tal-Finlandja hix theddida diretta għar-Russja huwa qal, “definittivament… l-espansjoni tan-NATO ma tagħmilx lill-kontinent tagħna iktar stabbli u sigur.”

Ekonomija

Sport