Friday, November 15, 2024

Il-Fondazzjoni Melita tappoġġja programm għal tfal milquta minn mard fil-familja

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Melita qed tappoġġja The Wellness Pod, inizjattiva tal-Fondazzjoni Karl Vella, li toffri sitt programmi varjati għat-tfal li jħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet fejn membru tal-familja tagħhom jimrad serjament jew imut. Il-Wellness Pod, li taħseb għal tfal ta’ etajiet differenti, minn sfondi differenti, u bi bżonnijiet differenti tistinka biex iżżomm sens ta’ kontinwità f’sitwazzjonijiet diffiċli.

Il-Professur Tanya Sammut-Bonnici, Chairperson tal-Fondazzjoni Melita, qalet, “Il-Fondazzjoni Karl Vella tassew tagħmel xogħol siewi u mill-aqwa, billi tgħin lil tfal ta’ bejn il-5 u s-17-il sena jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet diffiċli li jinqalgħu meta membru tal-familja jimrad serjament jew imut. Il-Fondazzjoni Melita hi impenjata li tappoġġja lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u għal dawk li qed jiffaċċjaw ċirkostanzi partikolari, dawn is-servizzi ta’ appoġġ huma vitali biex jiżguraw li dawn it-tfal jirnexxu fil-ħajja.”

Il-Fondazzjoni Karl Vella twaqqfet fl-2014 u toffri appoġġ edukattiv u psikoloġiku b’xejn lit-tfal li jħabbtu wiċċhom ma’ mard jew telf fil-familja tagħhom. L-appoġġ jinkludi terapija personali u programmi fi gruppi li jgħinu lit-tfal jinteraġixxu. Sa mill-ftuħ, il-Fondazzjoni għenet aktar minn 200 tifel u tifla.

Aktar tagħrif dwar il-Fondazzjoni Melita jinsab disponibbli fuq is-sit https://www.melitafoundation.org.

Ekonomija

Sport