Il-fondi Ewropej huma fost l-aktar għodod importanti li jgħinu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jinvestu f’oqsma li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Permezz tagħhom, jistgħu jitwettqu inizjattivi marbuta mal-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa, l-immaniġġjar tal-iskart u l-ilma, il-ħarsien tal-patrimonju storiku u kulturali, kif ukoll oqsma oħra li jsaħħu l-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku.
L-għan ewlieni ta’ dawn il-fondi huwa li titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jinħoloq ambjent li jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi b’mod sostenibbli. Iżda wara kull proġett li naraw imwettaq hemm proċess li ħafna drabi ma jidhirx iżda iseħħ minn wara l-kwinti.
Mhux kull fond jitmexxa bl-istess mod. Xi programmi ta’ fondi Ewropej jiġu amministrati direttament mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li oħrajn jitmexxew b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali. F’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż ikollhom responsabbiltà importanti biex jistabbilixxu sistemi li jiżguraw li l-fondi jintużaw kif suppost.
F’Malta, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-programmi ta’ fondi Ewropej differenti jfasslu it-termini u l-kundizzjonijiet għad-diversi opportunitajiet ta’ fondi skont regolamenti stabbiliti. Dawn l-awtoritajiet jgħassu wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ kull proġett li jakkwista l-fondi biex jassiguraw li jimxu mar-regoli u r-regolamenti miftiehma. Dan il-proċess jinvolvi kontrolli rigorużi tad-dokumentazzjoni marbuta max-xiri pubbliku, li jinżammu d-dati maqbula fl-implimentazzjoni tal-proġett u li jitwettqu l-elementi kollha tal-proġett.
Dan kollu juri li l-fondi Ewropej mhumiex biss sors ta’ finanzjament, iżda proċess li jitlob ippjanar, konformità u implimentazzjoni bil-għaqal. Għalhekk, huwa importanti li individwi, organizzazzjonijiet u entitajiet interessati jkollhom aċċess għal informazzjoni ċara u gwida prattika matul id-diversi stadji tal-proġett, mill-ewwel idea sal-implimentazzjoni finali.
Hawnhekk jidħol l-irwol ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, l-aġenzija li tiffaċilita l-aċċess għal fondi Ewropej billi twassal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u dwar kif individwi, organizzazzjonijiet u l-pajjiż jistgħu jibbenefikaw minnhom. Matul is-sena, jiġu organizzati sessjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ dwar programmi u sejħiet għall-applikazzjoni għal proġetti b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, Servizzi Ewropej f’Malta toffri assistenza bla ħlas għall-applikazzjoni għal skemi u sejħiet ta’ fondi Ewropej. Dan huwa servizz ħolistiku u personalizzat, li jibda mill-identifikazzjoni tal-fondi relevanti, għall-għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni u jkompli anke matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Din l-assistenza tgħin biex aktar persuni u entitajiet ikunu preparati aħjar, waqt li tnaqqas ir-riskju ta’ irregolaritajiet u użu ħażin tal-fondi.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-valur veru tal-fondi Ewropej jitkejjel fl-impatt tagħhom fuq in-nies u fuq il-pajjiż. Meta dawn il-fondi jintużaw b’ippjanar tajjeb, b’implimentazzjoni serja u b’kontroll, dawn se jwasslu għal bidliet pożittivi u konkreti li jibqgħu jinħassu fit-tul. Għalhekk, il-fondi Ewropej għandhom jitqiesu mhux biss bħala opportunità ta’ investiment, iżda wkoll bħala għodda ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ benefiċċju komuni.
Għal iktar informazzjoni jew assistenza, ikkuntattja lil Servizzi Ewropej f’Malta fuq 2779 7300, [email protected] jew mill-website sem.gov.mt

