Gvern Laburista jemmen bi sħiħ fil-potenzjal tal-persuni b’diżabilità u l-anzjani tagħna. Huwa għalhekk li qiegħed jaħdem qatigħ sabiex jintroduċi aktar inizjattivi bil-għan li dawn l-individwi jkollhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, kif wara kollox jistħoqqilhom bħal kull persuna oħra.
Il-Gvern qiegħed saħansitra jmur pass oltre minn hekk. Qiegħed jintensifika l-ħidma tiegħu f’dak li jirrigwardja l-protezzjoni ta’ dawn il-persuni. Fil-fatt, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, ressqet żewġ abbozzi ta’ liġijiet fil-Parlament, li bdiet ukoll id-diskussjoni dwarhom, li proprju jibagħtu sinjal b’saħħtu f’dan ir-rigward.
Waħda minn dawn il-liġijiet hi dik dwar l-awtonomija personali sabiex jitneħħa kull xkiel li jżomm liċ-ċittadini, speċjalment dawk li jsibu ruħhom fl-iktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, milli jgħixu ħajja fejn ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet li jridu. Dan irid isir billi jkompli jissaħħaħ il-qafas li nbena tul is-snin, li joffri potezzjoni sabiex dawn il-persuni jkunu ħielsa mill-abbuż, mill-ħsara u min-negliġenza.
Dan jorbot ukoll mat-tieni abbozz dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà. B’din il-liġi, se tkun qiegħda tiddaħħal struttura sabiex adulti li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli jkollhom l-għodod biex jipproteġu ruħhom mill-abbuż. Apparti minn hekk, se jkun hemm sistema ta’ Clearance Certificates għal min jaħdem ma’ dawn l-adulti, flimkien ma’ Offenders’ Register għal min jinstab ħati li abbuża minnhom.
Kif spjegat tajjeb il-Ministru Farrugia, f’din il-liġi qed ikun propost li jekk persuna tkun taf b’abbuż fuq persuni b’diżabilità jew anzjani u ma tirrapportax jew tagħmel rapport falz tista’ teħel bejn erba’ xhur u sena jew multa ta’ €5,000 jew it-tnejn.
Għalhekk nemmnu li dan huwa pass ieħor b’saħħtu favur iżjed ħarsien u protezzjoni ta’ dawn il-persuni. Pass li jirrifletti wkoll l-impenn u l-viżjoni tal-Gvern mibnija fuq il-prevenzjoni u sabiex ikun hemm deterrent akbar f’każ li jkun hemm tali sitwazzjonijiet.

