L-ewwel darba li ħbatt mal-mużajk kien xi 43 sena ilu. Ħarġa tal-iskola li ħaditna f’dik li dak iż-żmien konna nsejħulha il-Villa Rumana fir-Rabat. Hemmhekk rajna u spjegawlna l-arti u d-disinn tal-mużajk. Snin wara rajt il-mużajk li hemm fil-Bardo Museum, liema mużajk jagħti ħjiel dwar l-era Rumana fit-Tuneżija fost oħrajn.
Ovvjament b’dawk id-disinni quddiemek, meta tiftakar kemm għaddew snin minn fuqhom, trid u ma tridx se tammira l-preċiżjoni tas-sengħa u l-paċenzja kbira li jirrekjedi x-xogħol tal-mużajk. Se tara kif dawk il-biċċiet żgħar ta’ irħam jew materjal ieħor, li waħidhom ma juruk xejn, meta jinġabu flimken b’mod maħsub u kreattiv, kapaċi jwasslu messaġġ. Se tara l-ħila, t-talent u l-paċenzja li kapaċi juża l-artist li wettqu, biex joħloq disinn.

Dawn kienu l-ħsibijiet li għaddew minn moħħi meta ftit jiem ilu żort il-wirja ta’ Eleną Bugeja, tfajla ta’ 16-il sena, li tellgħet wirja ta’ mużajk b’tema reliġjuża.
Kif tidħol mill-bieb tas-sala fejn hemm il-wirja jolqtok mill-ewwel salib tal-mużajk. Salib li fis-sempliċità iġiegħlek tirrifletti. Il-kulur isfar, oranġjo, u blu u kif tpoġġew flimkien offrew dehra ta’ salib differenti. Salib li minnu joħroġ id-dawl. Li jispikka u jinqala’. Salib li kuntrarjament kif naraw il-kurċifissi u slaleb f’dawn il-jiem, ma joffrix dieqa. Imma donnu jistiednek biex tiskopri.
Is-salib kien l-aktar li spikka f’għajnejja f’din il-wirja. It-titlu tiegħu ‘Sensus Crucis’. Elena tispjega fid-dettall il-kunċett u l-messaġġ warajh.
“Il-misteru interjuri tas-Salib juri li s-Salib mhuwiex biss simbolu biex inħarsu lejh, imma misteru biex nifhmuh. Fejn is-sagrifiċċju u l-imħabba jingħaqdu biex juru tifsira aktar profonda. L-ilwien oranġjo u sofor ta’ dan il-mużajk jissuġġerixxu dawl minn ġewwa, li jfisser li s-Salib isir sors ta’ illuminazzjoni u għarfien.
Il-mużajk aħmar fiċ-ċentru jirrappreżenta l-imħabba, is-sagrifiċċju u l-qalb ta’ Kristu. Dan juri li t-tifsira vera tas-Salib hi l-imħabba espressa permezz tas-sagrifiċċju. Il-biċċiet miksurin u irregolari ta’ dan l-artifatt jirrappreżentaw id-dnub tal-bniedem miġbur flimkien f’salib wieħed magħqud”.
L-ewwel it-tpinġija…wara titpoġġa fuq xibka u jinbeda il-proċess tal-mużajk
Elena tispjega li fil-bidu bdiet it-tpinġija imma imbagħad marret għal kors fuq il-mużajk. Hi arti differenti li tirrikjedi ukoll għodod partikolari. Tispjegali li l-proċess jinbeda billi taħseb x’se tkun se tagħmel, wara tagħmel it-tpinġija u dik titpoġġa fuq speċi ta’ xibka. Minn hemm imbagħad tagħżel x’tip ta’ mużajk tkun se tpoġġi. Proċess li jieħu siegħat ta’ ħidma, li jiddependi skont id-disinn.
It-tema tal-wirja “Living Stones”
It-tema tal-wirja ‘Living Stones’ hi ispirata mill-kliem ta’ San Pietru, fejn in-nies huma imsejħin ‘ġebel ħaj’, jiġifieri l-individwi jingħaqdu u jsiru ħaġa waħda. Din mhux biss tirrifletti l-fidi tagħna bħala komunità, iżda ukoll il-proċess tal-mużajk.
Elena tgħidilna li “l-mużajk hu kif ħafna biċċiet żgħar u individwali jingħaqdu flimikien biex joħolqu xogħol wieħed sħiħ. Kull biċċa għandha forma u daqs differenti iżda kollha essenzjali biex joħolqu il-mużajk finali”.
“Il-Ħaruf”….sfond dehbi li juri l-glorja
Mużajk oħra li tolqot l-għajn, din id-darba minħabba x-xogħol li fiha hi dik intitolata ‘Ecce Agnus Dei’. Elena tispjega li “dan ix-xogħol jistedinna nagħrfu u nikkontemplaw lil Kristu bħala l-Ħaruf tas-Sagrifiċċju u s-Salvatur imqajjem mill-mewt. Il-Ħaruf, jistrieħ, jirrappreżenta s-sagrifiċċju u l-innoċenza. Jirreferi għal Ġesù li joffri lilu nnifsu għad-dnubiet tad-dinja. L-awreola madwar ras il-Ħaruf tirrappreżenta lil Ġesu Kristu bħala qaddis u divin. Il-bandiera bis-salib aħmar tirrappreżenta l-qawmien ta’ Kristu u r-rebħa tiegħu fuq il-mewt. Il-bażi ħamra tissimbolizza d-demm u s-sagrifiċċju. L-isfond dehbi, li spiss jintuża fl-arti sagra, juri l-glorja tas-sema jew dik divina.”

L-arti tal-mużajk…
Forsi hi ħasra li f’pajjiżna din l-arti għadha mhix mifruxa daqstant. L-arti tal-mużajk tuża diversi materjali biex joħolqu disinji u xogħlijiet oriġinali li joffru esperjenza rikka b’diversi tekniki.
Il-mużajk huwa l-kombinazzjoni ta’ elementi żgħar, imsejħa tesserae, biex jiffurmaw disinn predefinit. Biex jinkisbu t-tesserae, jintużaw imqassijiet, pinzetti jew imrietel biex jolqtu l-materjal fuq il-bord tat-tqattigħ biex jaqsmuh u jiksbu l-forma ġeometrika mixtieqa. Hemm ukoll proċessi differenti li jistgħu jiġu adottati. Fit-teknika “Rumana”, il-mużajk kien isir b’tesserae kwadrangulari tal-irħam ta’ diversi daqsijiet: il-ġebel jitqiegħed ħdejn xulxin f’ċerta distanza, iddisinjati apposta biex jagħtu prominenza akbar lin-netwerk ta’ ġonot. Fit-teknika “Biżantina”, li hija żvilupp tat-teknika Rumana, it-tesserae tal-pejst tal-ħġieġ u d-deheb huma iżgħar u aktar regolari fid-daqs biex joħolqu disinn kemxejn aktar dens.
It-teknika “Klassika jew Venezjana” hija l-aktar waħda użata llum: tippermetti li jinħolqu xogħlijiet klassiċi ta’ kull tip fil-mużajk. It-tesserae huma jew irħam jew żmalt, ta’ daqsijiet differenti, b’daqs u ġonot regolari. F’din it-teknika, l-enfasi ewlenija hija fuq il-mudell tat-tesserae li, billi jsegwi d-disinn, jagħti forma lill-immaġini. Fit-teknika “Moderna”, min-naħa l-oħra, il-mużajċista ewlieni huwa aktar liberu li jsegwi l-kreattività tiegħu stess, billi jikkombina tipi differenti ta’ materjali (irħam, enamel, deheb, materjali naturali…) u sustanzi li jgħaqqdu (skont il-ħtieġa għall-applikazzjoni), filwaqt li jżomm il-kontinwità mat-tekniki l-oħra.
Il-mużajk huwa arti li tinħoloq grazzi għall-ħila kbira ta’ sengħa kbira li kapaċi jimmaġinaw, jiddisinjaw u joħolqu immaġni figurattiva u mhux figurattivi fuq tipi differenti ta’ uċuħ u appoġġi, u jagħmluhom vibranti u animati. Il-mużajk huma tradizzjonalment applikati bħala kisi tal-art u tal-ħitan u bħala element dekorattiv ta’ għamara, aċċessorji u għamara; jistgħu jintużaw ukoll bħala teknika biex jerġgħu jinħolqu xogħlijiet tal-arti magħmula b’tekniki oħra bħal pitturi, akkwarelli u ritratti, u jagħtuhom ħajja ġdida u mhux tas-soltu.
Illum il-ġurnata, madankollu, hemm tendenza li tingħeleb il-kategorizzazzjoni tal-mużajk skont it-tipi ta’ applikazzjoni favur approċċ “globali” għad-disinn tal-mużajk. Il-mużajk joffru l-possibbiltà li jinħolqu proġetti personalizzati ta’ impatt viżwali u emozzjonali kbir, li jegħlbu l-ostakli strutturali u jinvolvu l-ambjent u l-oġġetti li jgħixu fih. Il-proġetti tad-disinn tal-mużajk għalhekk ikissru l-konfini tal-uċuħ biex jinvolvu l-ispazji fi programm dekorattiv wieħed kbir li jdawwar lill-viżitaturi u jsebbaħ l-ambjenti b’mod uniku.

