Wednesday, November 20, 2024

Il-Forum Unions Maltin tħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu azzjoni dwar il-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

Il-Forum Unions Maltin ħeġġet lill-Gvern biex jieħu azzjoni biex jikkontrolla t-tixrid tal-Covid-19. Fi stqarrija ppubblikata llum, il-grupp ta’ trejdunjins wera t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna marbuta mal-pandemija, wara li lbieraħ l-unjin tat-tobba (MAM) u l-unjin għall-għallima (MUT) ukoll urew it-tħassib tagħhom dwar il-mod kif qed tevolvi l-pandemija.

Il-Forum Unions Maltin wissiet li s-sitwazzjoni tista’ taħrab mill-kontroll, b’dan iħalli impatt fuq l-isptar u s-servizzi tas-saħħa, u anke mil-lat tal-abbiltà tan-nies li ssegwi l-ħajja u l-attività normali tagħhom.

Kien għalhekk li l-grupp issuġġerixxa li:

  • Ikun hemm aktar kontroll mal-fruntiera, b’kull min ikun se jidħol f’pajjiżna jintalab jagħmel test qabel il-wasla tiegħu jew mal-wasla tiegħu f’pajjiżna. Fin-nuqqas ta’ dan allura dak li jkun ikollu joqgħod fi kwarantina.
  • Ikun hemm infruzar strett tal-ilbies tal-maskla f’postijiet fejn ikun hemm gruppi ta’ nies, kemm fuq ġewwa u kif ukoll fuq barra.
  • Jiħraxu l-miżuri, fosthom l-għeluq temporanju ta’ postijiet meqjusin bħala li huma ta’ riskju għoli.
  • Tnaqqis fin-numru massimu tal-persuni miġburin fi gruppi.
  • Terġa’ ssir emfażi fuq li jsir xogħol mid-dar kull fejn huwa possibbli u f’każi ta’ ħaddiema meqjusin f’riskju għoli.
  • Kampanja edukattiva b’saħħitha biex jiġi assigurat li kulħadd ikun konxju u jifhem il-ħtieġa ta’ dawn il-miżuri.
  • Messaġġi konsistenti mill-awtoritajiet rispettivi kemm fid-direzzjonijiet ipprovduti u l-azzjonijiet meħudin.

Il-Forum Unions Maltin temmet billi qalet li t-teħid ta’ azzjoni issa se tagħmel possibbli biex in-nies u n-negozji jergħu lura għal ħajja normali sa żmien il-festi tal-Milied.

Sport