Saturday, November 23, 2024

Il-ftuħ tal-iskejjel bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru

Aqra wkoll

Sabiex ikun assigurat l-aħjar ritorn tal-istudenti u biex l-edukaturi jkomplu bl-aħjar preparamenti tagħhom, ġie deċiż li t-tfal u l-istudenti tal-iskejjel tal-Istat tal-età obbligatorja ma jibdewx l-ewwel ġurnata tal-iskola kollha fl-istess jum fit-30 ta’ Settembru 2020. 

Minflok, id-dħul lura fl-iskejjel se jitqassam fuq medda ta’ jiem differenti, skont is-sena tagħhom, fuq perjodu ta’ mhux iktar minn ġimgħa b’effett mis-7 ta’ Ottubru 2020. B’hekk sal-14 ta’ Ottubru t-tfal kollha jkunu daħlu lura l-iskola filwaqt li kif diġa’ tħabbar l-edukaturi se jirritornaw lura fl-iskejjel fit-28 ta’ Settembru li ġej. 

Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fejn ġie spjegat li l-ewwel ġurnata ta’ attendenza għall-istudenti, għalhekk, se tkun differenti skont is-sena tagħhom. Il-ġenituri u l-kustodji se jkunu qed jirċievu informazzjoni dettaljata llum stess mill-iskejjel tagħhom.

Il-Ministeru żied ifakkar li l-ġenituri u l-kustodji se jingħataw il-libertà sħiħa li jagħżlu jekk jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola jew le u kulma għandhom jagħmlu hu li jinformaw lill-iskola bid-deċiżjoni tagħhom. “Se nkunu qed nifhmu u nirrispettaw id-deċiżjoni ta’ kulħadd u matul is-sena skolastika se nkunu wkoll qed nipprovdu lezzjonijiet pre-rekordjati fuq l-internet (online) bla ħlas.”

Għall-perjodu ta’ bejn it-30 ta’ Settembru u t-13 ta’ Ottubru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed testendi s-servizz tagħha ta’ ‘Bridge Holidays’ għall-ħinijiet ta’ bejn is-7:00 am u s-2:30 p.m. fiċ-ċentri tagħha, bla ħlas. Fl-istess waqt, kif diġà tħabbar, b’effett mit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se tkun qed tibda toffri wkoll is-servizz ta’ Klabb 3-16, mis-2:30 pm sas-6:00 pm fiċ-ċentri tagħha.

Sport