Friday, March 14, 2025

Il-futbol huwa mod tajjeb biex tesprimi lilek innifsek – Luke Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Missieri. Marco, huwa eks plejer u kowċ, u minn meta kont żgħir kont niġri minn pitch għal ieħor miegħu. Bdejt minn età żgħira fil-nursery ta’ Sliema Wanderers, u minn dak iż-żmien bqajt inħobb il-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mtarfa FC fil-BOV Challenge League.

Qed ikolli staġun sodisfaċenti fejn kont dejjem regolari. Kont utilizzat f’pożizzjonijiet differenti fil-pitch u għalkemm mhux dejjem faċli biex tadatta, kont kuntent ħafna bil-prestazzjonijiet tiegħi.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa? Għalkemm il-klabb ta’ Mtarfa FC huwa meqjus bħala wieħed żgħir meta mqabbel ma’ klabbs akbar fil-BOV Challenge League, nemmen li qed ikollna prestazzjonijiet tajbin. Il-plejers flimkien mat-tim tekniku qed jaħdmu b’dedikazzjoni kbira biex f’kull logħba nġibu l-aħjar riżultat possibbli.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Mill-bidu tal-istaġun, it-tragward tal-klabb kien li jżomm postu fil-BOV Challenge League. Dan huwa biss it-tieni staġun tal-klabb f’din id-diviżjoni, u għalhekk konna nafu li se tkun sfida kbira.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is snin?

Il-livell tal-futbol Malti fil-Malta Premier, nemmen li żdied fl-aspett fiżiku minħabba l-inklużjoni ta’ ħafna plejers barranin. Riċentement, il-kowċis f’kull diviżjoni saru aktar preparati tattikament, u għalhekk trid tkun preparat għal kull avversarju.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħalissa, il-klabb tagħna juża l-facilitajiet ta’ Santa Lucia Ground, u nista’ ngħid li huma sodisfaċenti ħafna. Bħala pitches fejn jiġi użat għall-BOV Challenge League, huma ta’ livell tajjeb ħafna.

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-futbol?

Ottimist ħafna li nkompli nilgħab il-logħba li tant inhobb b’dedikazzjoni u passjoni.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil futbol.

Il-futbol huwa mod tajjeb biex tesprimi lilek innifsek. Trid tagħmel sagrifiċċji, imma fl-aħħar mil-aħħar meta tikkunsidra l-benefiċċji li l-logħba toffrilek minn perspettiva sportiva, soċjali u mentali, tassew jkun worth it u ta’ sodisfazzjon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport