Malta ………………. 0
Irlanda ta’ Fuq …..4
Minn Cristian Muscat
It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, immexxi minn Davide Mazzotta, tilef it-tmien logħba tiegħu mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2027 meta safa megħlub mill-Irlanda ta’ Fuq 4-0.
Minkejja t-telfa, iż-żgħażagħ Maltin taw wirja qalbiena u kien hemm mumenti fejn impenjaw sew lill-avversarji Brittaniċi li min-naħa tagħhom sabu l-mumenti deċiżivi sabiex jikkastigawhom.
Wara bidu qawwi min-naħa tal-Irlandiżi, it-tim Malti beda jsib saqajh u fis-16-il minuta, Lucas Caruana kellu tentattiv lejn il-lasta tal-Irlanda ta’ Fuq, filwaqt li tliet minuti wara kien Shaisen Attard li pprova xortih b’konklużjoni oħra għall-Maltin.
L-Irlanda ta’ Fuq wieġbu fl-20 minuta meta Samuel Inwood kellu xutt imblukkat mid-difiża Maltija. Tliet minuti wara, Joshua Briggs kellu tentattiv li spiċċa barra.
Il-Maltin komplew jippruvaw joħolqu l-periklu, iżda kienu l-avversarji li bdew iżidu l-pressjoni. Fid-29 minuta Inwood reġa’ pprova xortih, iżda l-konklużjoni tiegħu ma sabitx il-lasta.
Fit-30 minuta Brooklyn Borg kellu opportunità għal Malta, iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra.
Minuta wara, l-Irlanda ta’ Fuq fetħu l-iskor permezz ta’ Shea Kearney, li kkonkluda b’suċċess wara azzjoni li fiha rċieva mingħand Eoin Kenny.

Il-gowl ta aktar kunfidenza lill-avversarji, li fis-37 minuta resqu viċin it-tieni gowl meta l-captain Makenzie Kirk kellu tentattiv tajjeb li ġie mblukkat minn Sargent.
Il-pressjoni tal-Irlanda ta’ Fuq ħalliet il-frott fit-43 minuta meta Jack Patterson skorja t-tieni gowl tat-tim tiegħu wara assist ta’ Cole Brannigan.
Fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima, Malta ppruvat tirreaġixxi u fil-45 minuta Caruana ngħata l-opportunità li jixxuttja free-kick dirett, iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx.
Bl-ewwel taqsima li għalqet 2-0 favur l-Irlandiżi.
Fit-63 minuta, l-Irlanda ta’ Fuq komplew fejn ħallew u skorjaw it-tielet gowl fejn wara nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża, kien il-plejer ta’ nofs il-grawnd Jack Patterson li approfitta u għeleb lil Sargent.
Fis-70 minuta, Malta resqu viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor meta s-sostitut Trezeguet Zammit avvanza tajjeb u llobja minn fuq il-goalkeeper McMullan iżda d-difensur Shea Kerney salva minn fuq il-linja.
U dak kien preludju għar-raba’ u l-aħħar gowl Irlandiż li sa ċertu punt kien xi ftit fortunat meta kien Kearney li qassam tajjeb lil Bayley McCann li qarraq b’Sargent meta mess il-ballun għal ġewwa.
Il-Maltin jilagħbu l-partita ta’ qabel tal-aħħar fi grupp F nhar l-Erbgħa meta fis-Centenary Stadium għandhom impenn iebes ferm kontra l-Ġermanja.

Malta: Karl Sargent, Mattias Ellul, Jake Vassallo (C), Andrew Borg (Daniel Letherby 82 min), Shaisen Attard (Alfie Bridgeman 70 min), Lucas Caruana, Isaiah Chukunyere, Brooklyn Borg (Trezeguet Zammit 46 min), Nathan Cross, Kaiden Fenech (Bjorn Buhagiar 70 min), Benjamin Hili.
Coach: Davide Mazzotta
Irlanda ta’ Fuq: Stephen McMullan, Shea Kearney, Jack Patterson (Ryan Donnelly 78 min), Joshua Briggs, Cole Brannigan (Callum Burnside 66 min), James Simpson, Makenzie Kirk (Devlan Moses 78 min) (C), Eoin Kenny (Callum Thompson 78 min), Conor Barr, Samuel Inwood (Connor Haughey 66 min), Bayley McCann
Coach: Tommy Wright
Referee: Ioannis Christodoulou (Ċipru)
Assistanti: Nikos Egglezou, Petros Petrou (Ċipru)
Ir-Raba’ Uffiċjal: Antonis Konstantinidis (Ċipru)
Ammoniti: Brooklyn Borg, Nathan Cross, (Malta, 2 min), Joshua Briggs (Irlanda ta’ Fuq, 30 min).
Skorjaw: Shea Kearney (31 min), Jack Patterson (43min, 63 min), Bayley McCann (73 min) (Irlanda ta’ Fuq)




