Sunday, December 22, 2024

Il-futur internazzjonali

Aqra wkoll

Diffiċli li tikteb fuq il-futur għaliex l-affarijiet jistgħu jinbidlu mil-lum għal għada. Sakemm ikunu affarijiet żgħar ma jimpurtax imma hemm affarijiet li jolqtu lil kulħadd. Eżempju ta’ xi ħaġa li tolqot lil kulħadd hu Biden. Biden iddeċieda li jerġa’ joħroġ għall-elezzjoni li jmiss għal President tal-Istati Uniti. Il-kompetitur tiegħu hu Donald Trump, il-persuna li kien President qabel Biden.

Personalment, u jien ċert li hemm ħafna nies bħali, l-ebda wieħed minnhom ma jogħġobni. Minkejja dan kont nippreferi lil Trump għaliex waqt li kien President hu, għalkemm kien hemm tenzjoni fid-dinja għallanqas ma konniex resqin lejn gwerra dinjija oħra bħal ma ġejna taħt Biden. Għalhekk is-sitwazzjoni dinjija kienet u għadha kerha ħafna.

Ftit ilu Biden u Trump kellhom l-ewwel diskussjoni pubblika. Din il-ġimgħa reġa ħawwad waqt konferenza tan-NATO. Biden tant mar ħażin li llum hemm ħafna Amerikani li qed jaraw kif jistgħu jibdlu lil Biden għalkemm hu qed jirreżisti. Jekk jiġri hekk, is-sitwazzjoni għandha mnejn titjieb għalkemm l-UE qed tiġi ppressata minn ġewwa speċjalment minn Franza u l-Polonja biex minflok inaqqsu t-tenzjoni, inżiduha. Dan qed jagħmluh billi jġibu l-iskuża li hemm bżonn jarmaw id-difiża. Il-problema li mhux qegħdin isemmu hi li billi nżidu l-armi, jekk it-tenzjoni tkompli tikber, kif jixtiequ numru ta’ pajjiżi fl-UE, u tinqala’ gwerra, din tkun waħda nukleari.

Li mhux qegħdin jirrealizzaw hi li għalkemm qed jgħidu li huma ma jridux gwerra, jekk tinqala’ gwerra kif jixtiequ, min jiġi dahru mal-ħajt, mhux ser jiddejjaq li juża bombi nukleari. Diġa’ qed naraw li l-bombi nukleari, fl-Ewropa żdiedu. Hemm min jgħidlek li aħna l-bogħod u mhux ser nintlaqtu mill-radjazzjoni, jekk ikun hemm gwerra. Qed ninsew li l-Italja għandha bażijiet militari Amerikani. Dawn dan l-aħħar, żdiedulhom dawn il-bombi nukleari. Żgur li jekk tinqala’ gwerra l-Italja tintlaqat u aħna nieħdu l-effetti kollha tal-gwerra.

Id-diżgrazzja hi li l-mexxejja Ewropej huma dominati bl-arja ta’ poter u fuq kollox m’għandhomx sens ta’ kif nistgħu nibdlu din is-sitwazzjoni. Il-paċi ma ġġibhiex billi tarma ruħek, imma billi l-għedewwa jitkellmu bejniethom biex jippruvaw jaslu għal ftehim. Bi gwerra kulħadd jingidem inkluż aħna. Għallanqas dan l-aħħar kien hemm il-Prim Ministru Orban li tkellem mal-Presdent Ukren biex jieqaf il-glied u biex ir-Russja u l-Ukrajna jibdew jitkellmu biex isolvu l-problemi ta’ bejniethom. L-isfortuna hi li sew l-President tal-Ukrajna u l-pajjiżi Ewropej l-oħra ma jaqblux ma dan għax iridu jżidu l-armi sew fl-Ukrajna u sew għandhom stess. Din mhix xi ħaġa stramba meta tiftakar li l-UE f’dan il-qasam timxi kif tgħid in-NATO.

Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, ma waqafx u wara mar ikellem lill-President Russu Putin u anki liċ-Ċiniżi. Talli għamel hekk ġie kkritikat bil-qawwi mill-pajjiżi tal-UE – sinjal ċar li l-UE la taf u lanqas trid Paċi fl-Ewropa. Orban indika li għandu sens f’moħħu għaliex ma jistax ikun hemm paċi bejn dawn iż-żewġ pajjiżi jekk ma jitkellmux bejniethom. Issa biex tressaqhom lejn xulxin trid tkellem lit-tnejn u trid tindika li int qed taġixxi b’mod newtrali. Li tmur tkellem wieħed minnhom u tgħidlu li int tissapportja lilu qed tfarrak immedjatament ir-rwol tiegħek bħala medjatur.

Inkun ċar, ma’ Orban ma naqbilx politikament. Imma b’daqshekk, jekk ikun għamel xi ħaġa tajba ma tistax tgħid li hi ħażina.

Żvilupp li jista’ jtaffi din is-sitwazzjoni hu kif il-politika li ser jadatta l-Gvern ġdid Ingliż. Irridu niftakru li l-Ingilterra dan l-aħħar snin, minkejja li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin minn Novembru 2023 kien David Cameron, kienet wieħed mill-pajjiżi l-aktar li riedu li jkabbru l-gwerra fl-Ewropa, tant li għandhom mijiet ta’ suldati fl-Ukrajna. Jekk ikun hemm tibdil fil-politika preżenti jista’ li l-politiċi Ukrajni jibdew jikkunsidraw li jitkellmu mar-Russja biex mhux biss tieqaf il-gwerra u jonqsu l-imwiet tan-nies imma li jsibu soluzzjoni aċċettabli għaż-żewġ naħat biex jerġa’ jkun hemm il-paċi f’nofs l-Ewropa. Semmejt biss il-politiċi għax hemm ħafna Ukrajni li xebgħu bil-gwerra li issa ilha għaddejja żmien u oħrajn qed jitilqu mill-Ukrajna biex ma jsibux ruħhom fil-ġlied li hemm.

Il-bidla fl-Ingilterra jidher li jkollha wkoll effett qawwi fuq il-ġlied li hemm fil-Palestina. Ma rridux ninsew li r-Renju Unit hu l-pajjiż, wara l-Istati Uniti, li qed l-aktar qed jipprovdi armi lill-Iżrael biex ikompli jżid din il-gwerra li hemm u li fiha nqatlu ħafna aktar nies, il-maġġoranza nisa u tfal, mill-gwerra tal-Ukrajna.

L-indikazzjonijiet li qed jagħti l-Prim Ministru Ingliż ġdid huma radikali meta tqishom mal-gvern Konservattiv li kien hemm qabel. Fuq il-Palestina diġa’ ndika tibdila serja. L-ewwel fattur kien li l-Ingilterra mhix ser tkompli teħoda kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali meta din ordnat l-arrest sew tal-Kap tal-Hamas u sew tal-Prim Ministru Iżraelit Natayanu. Din ma kinitx il-pożizzjoni biss tal-Ingilterra imma tal-Istati Uniti u tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li jiġu jitmejlu mid-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għaliex hemm involut l-Iżrael – ħabib tagħhom li jgħinhom biex iżommu d-dominanza fil-Lvant Nofsani.
Il-gvern ta’ Kier Starmer jidher li ser jagħmel taqliba kbira fil-policy barranija tar-Renju Unit għaliex qed jemfasizza il-bżonn li jieqaf il-ġlied fil-Palestina u fuq kollox jagħraf li l-Palestina għandha dritt li tiġi rikonoxxuta internazzjonalment. Tibdil politiku kbir speċjalment meta l-gvern ta’ qabel lanqas kien jaċċetta li n-nies għandhom id-dritt li jipprotestaw favur il-Palestina.
Li jieqaf il-ġlied fil-Palestina mhux faċli għaliex l-Iżrael għandu sapport qawwi u lest li jkompli l-omiċidju li qed jagħmel fil-Palestina. L-ipokrezija hi kbira. Wieħed irid iħares lura sew, minn mindu twaqqfet l-Iżrael. Waħda mill-ewwel ħaġa li għamlu u li għadhom jagħmlu, hu li jkissru l-ħajja tal-Palestinjani. Mhux biss kienu jarrestawhom mingħajr akkużi imma ħadulhom fejn joqogħdu biex ikeċċuhom mill-Iżrael. Dawn għadhom għaddejjin sal-lum, u l-Punent hu għajnejh magħluqa għal dawn l-affarijiet. L-istess bħalissa, hemm rapporti li min qed jiġi arrestat mingħajr akkuża qed ukoll jiffaċċja torturi waqt li jkun arrestat. Din hi gwerra li ser tkompli anki jekk illum jew għada Iżrael jirnexxielu joqtol lill-Hamas kollu. Ir-raġuni li tant sar qtil, li kif jispiċċa l-Hamas, ser jinħoloq xi moviment ieħor li jkun lest li jiġġieled biex jissalvagwardja d-drittijiet fundamentali tal-Palestinjani li b’fortuna jirnexxielhom jibqgħu ħajjin.
Futur inċert li għalkemm mhux f’idejna, xorta jolqotna bil-kbir. Ma jfissirx li ma nistgħu nagħmlu xejn għax nistgħu mhux billi biss nuru li aħna favur il-paċi imma wkoll naġixxu.

Ekonomija

Sport