Monday, April 29, 2024

Il-Ġappun jimmiraw għal rebħa li tista’ tfisser il-kwalifikazzjoni

Aqra wkoll

Minn Grupp E, l-ewwel partita tal-lum, li tintlagħab fil-11.00 am, tlaqqa’ liż-żewġ timijiet tal-Ġappun u dak tal-Costa Rica. Bla dubju, dawn kellhom fortuni differenti fejn il-Ġappuniżi  ġibdu l-attenzjoni tal-football mondjali għal raġunijiet mill-aktar ġusti meta, kontra kull mistenni, huma għelbu lill-Ġermanja bl-iskor ta’ 2-1.

Dan ir-riżultat poġġa lil dan it-team mill-Lvant Imbiegħed b’ċans inkredibbli li jikkwalifika …  jekk Spanja jegħlbu lill-Ġermanja.

Min-naħa l-oħra, Costa Rica ddiżappuntaw bil-kbir meta sfaw megħluba minn Spanja bl-iskor ta’ 7-0. Din kienet l-agħar telfa ta’ Costa Rica f’finali tat-Tazza tad-Dinja li ssuperat dik ta’ 5-2 kontra l-Brażil, fit-13 ta’ Ġunju, 2002.

Għaldaqstant, b’nofs sieq barra minn din l-edizzjoni, rebħa kontra l-Ġappun hija mill-aktar imperattiva. Rebħa tkun tfisser tama ġdida … telfa tkun tfisser l-eliminazzjoni.

Għall-Ġappun, Hiroki Sakai, jinsab ferm dubjuż wara li fir-rebħa fuq il-Ġermanja sofra injury fl-għaksa, kwarta mit-tmiem. Għaldaqstant, Takehiro Tomiyasu mistenni jibda fil-post tiegħu.

Costa Rica mistennija li jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli biex fl-istess waqt ipattu għall-umiljazzjoni ta’ kontra Spanja.

Sport