Ftit ġimgħat biss wara li Floriana FC rebħu t-tieni l-ogħla unur fil-futbol Malti, l-FA Trophy, id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ ippubblikat ħarġa speċjali ddedikata kollha kemm hi għal dan l-avveniment sportiv li permezz tiegħu t-tim Furjaniż kiteb paġna oħra tad-deheb fl-istorja diġà glorjuża tiegħu.
Din il-ħarġa speċjali, li ovvjament m’għandix tintilef mill-Furjaniżi in ġenerali u mill-partitarji ta’ dan il-klabb ewlieni fix-xena tal-futbol lokali, għandha tintgħoġob ukoll minn dawk id-dilettanti kollha tal-futbol Malti li jħobbu jġemmgħu pubblikazzjonijiet ta’ tifkira bħal din.
Fil-fatt filwaqt li tinkludi ħarsa lejn l-istorja ta’ suċċess tat-tim Furjaniż f’din il-kompetizzjoni tal-MFA, fiha wkoll statistika ġenerali tar-rebbieħa u l-finalisti tal-FA Trophy minn mindu kienet stabbilita fis-Snin Tletin tas-seklu li għadda, sal-lum il-ġurnata.
Statistika oħra interessanti tirrigwarda r-rebħ mill-Greens ta’ 28 kompetizzjoni fuq bażi Knock Out organizzati mill-MFA f’dawn l-aħħar mija u ħdax-il sena.
Minbarra dan it-tagħrif, il-parti l-kbira mis-16-il faċċata li jiffurmaw din il-ħarġa speċjali ta’ ‘IL-FURJANA’, hi riservata għal numru kbir ta’ ritratti – ftit anqas minn 130 wieħed – fil-biċċa l-kbira bil-kulur. Ewlieni fosthom hu poster mifrux fuq żewġ faċċati tat-tim wara r-rebħa fil-finali.
Fiha wkoll ritratti tal-plejers kollha li fl-istaġun li għadu kif intemm libsu l-flokk aħdar u abjad ta’ Floriana FC. Ritratti oħrajn juru ċ-ċelebrazzjonijiet li saru fil-Furjana wara l-wasla tat-tim rebbieħ minn Ta’ Qali.
Ritratti oħra ferm interessanti huma dawk meħuda mill-album tal-istorja u li jfakkru l-20 suċċess ta’ qabel dak ta’ din is-sena minn Floriana FC f’din il-kompetizzjoni lokali. Uħud minnhom ferm antiki. Juru diversi plejers jew timijiet tal-passat bit-trofej differenti li kienu jingħataw lil min jirbaħ l-FA Trophy f’pajjiżna.
It-tim tal-produzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jixtieq jirringrazzja lis-Sinjuri Paul Xuereb u Jesmond Moore għas-sehem ferm utli tagħhom biex din il-ħarġa speċjali setgħet tkun ippubblikata f’qasir żmien. Grazzi wkoll lid-Direttur Artistiku tal-gazzetta, Joseph A. Cachia għall-kontribut kbir tiegħu f’dik li hi dehra ġenerali.
Din il-ħarġa speċjali hi t-tielet waħda wara xulxin li d-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ ippubblikat minn l-aħħar ta’ April ‘l hawn. It-tnejn l-oħra kienu, waħda għall-okkażjoni tal-festa tal-patrun tal-Furjana San Publju, li kien fiha wkoll tifkira estensiva f’forma ta’ suppliment dwar il-Furjana fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija f’għeluq it-80 sena minn dak l-avveniment traġiku.
Il-ħarġa speċjali l-oħra kienet fl-okkażjoni taż-żjara li għamel f’Malta aktar kmieni din is-sena, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.
Iż-żewġ ħarġiet intlaqgħu tajjeb ħafna.
Dawk kollha li huma interessati jakkwistaw kopja ta’ din il-ħarġa l-ġdida tal-gazzetta Furjaniża, jistgħu jċemplu fuq in-numru 79339649. Min jixtieq li ma jkunx diżappuntat bħalma kien ġralhom diversi sentejn ilu meta kienet ippubblikata l-ħarġa speċjali dwar ir-rebħ tas-26 Kampjonat Malti minn Floriana FC, għandu jħaffef.
Min jixtieq jabbona – għal €5 – fil-gazzetta, jista’ jċempel ukoll fuq l-istess numru.