Sliema ASC u l-captan tal-klabb Dino Zammit laqħu ftehim reċiproku li ma jġedddux il-kuntratt, u b’hekk temmew kapitlu mill-aqwa li dam għaddej ħames snin.
Matul iż-żmien tiegħu mal-klabb, Dino wera impenn, dedikazzjoni u kburija kbira bħala plejer ta’ Sliema. Huwa kellu rwol ewlieni biex jgħin lil Sliema tirbaħ diversi unuri, inkluż id-“Double” storiku tal-2024, meta t-titlu tal-Kampjonat reġa’ lura għand il-klabb wara 15-il sena.
Dino kien ukoll parti mill-istorja li kitbet Sliema ASC fix-xena Ewropea matul l-aħħar żewġ staġuni. Fl-aħħar staġun tiegħu, Dino serva lill-klabb b’mod impekkabbli bħala kaptan, fejn mexxa u ggwida lit-tim biex jikseb midalja tal-bronż storika fl-Ewropa – tragward ieħor importanti fl-istorja tal-klabb.
Sliema ASC irringrazzjaw lil Dino għal dak kollu li ta lill-klabb matul l-aħħar ħames snin, u nnotat li l-“impenn, it-tmexxija u s-servizz tiegħu lejn il-klabb dejjem se jiġu apprezzati,” filwaqt li awguratlu “l-aqwa suċċessi għall-futur.”




