Friday, November 15, 2024

Il-ġenituri ta’ tifel akkużat li qatel 10 fi skola fis-Serbja jibdew għaddejjin ġuri

… talli allegatament naqsu milli jżommu kif xieraq l-arma u l-munizzjon użati f’dan il-massakru

Aqra wkoll

Il-ġenituri ta’ żagħżugħ ta’ 13-il sena akkużat li qatel 10 persuni fi sparatura fi skola fis-Serbja s-sena li għaddiet bdew għaddejjin ġuri wara li allegatament naqsu milli jżommu kif xieraq l-arma u l-munizzjon li ntużaw f’dan il-massakru.

Il-qtil, li kien seħħ f’Mejju li għadda, ħasad lin-nazzjon tal-Balkani u wassal għal dimostrazzjonijiet kbar kontra l-gvern li wasslu biex tiġi ffurmata koalizzjoni tal-oppożizzjoni li kkontestat l-elezzjonijiet riċenti.

Iż-żagħżugħ, li llum jinsab fi sptar mentali, allegatament spara bl-arma ta’ missieru fuq disa’ studenti li kienu fl-istess klassi tiegħu u fuq uffiċjal tas-sigurtà tal-iskola f’Belgrad. Peress li t-tifel kellu 13-il sena meta seħħ l-attakk, ma setax jinżamm kriminalment responsabbli taħt il-liġi Serba.

Il-Prosekuturi qed jallegaw li l-missier kien ħarreġ lit-tifel dwar kif għandu jispara u ma żammx kif suppost l-armi u l-munizzjon tiegħu. Dan filwaqt li allegatament ippermetta li ibnu jaħbi l-arma u 92 bullet fil-basket tiegħu li aktar tard intużaw fl-isparatura. Il-missier kien akkużat ukoll “b’att serju kontra s-sigurtà” mentri l-omm kienet akkużata b’pussess illegali ta’ munizzjon.

“Nistenna proċess legali u ġust, li fi tmiemu l-Qorti tikkundanna lill-akkużati għar-reati kriminali kontrihom,” qal il-prosekutur ewlieni Nenad Stefanovic mal-istazzjon lokali RTS. Il-ġenituri qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi.

Sadanittant, il-prosekuturi akkużaw ukoll lill-kap ta’ klabb tal-isparar Serb u għalliem talli provdew xhieda falza. Il-ġuri qiegħed jinstema’ bil-bibien magħluqa.

Ekonomija

Sport