Wednesday, October 9, 2024

L-AVVANZI FIL-KURA TAL-KANĊER

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, madwar id-dinja saru avvanzi kbar fil-ġlieda kontra marda tal-kanċer. Dan l-iżvilupp qed jiġi nnotat ukoll f’pajjiżna fejn permezz tal-investiment kontinwu li qed isir f’dan il-qasam u anke għall-ħila u għall-ħidma tal-professjonisti dedikati sew f’xogħolhom, qed jingħata servizz aħjar kemm fil-kura tal-pazjent u anke f’dak li jirrigwardja l-prevenzjoni ta’ dan it-tip ta’ mard.

Bħala poplu aħna għandna għax inkunu kburin li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna mhux biss huwa wieħed mill-aqwa iżda wkoll huwa bla ħlas għal kulħadd. Apparti minn hekk, ir-riżultati li qed jinkisbu huma xhieda tal-progress li qed isir f’dan il-qasam. 

F’dan ir-rigward, ninnutaw b’sodisfazzjon dak li ħabbar il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta fil-Parlament qal li fl-aħħar 10 snin, ir-rata ta’ kura f’Malta dwar il-kanċer tas-sider kienet fost l-aqwa fl-Ewropa, tant li f’dan ir-rigward pajjiżna qed jikklassifika fit-tieni post fl-Ewropa.

Dan juri biċ-ċar li s-sistemi tas-saħħa f’pajjiżna huma sistemi robusti li qed iħallu riżultati, u riżultati tajbin. Is-servizzi tant qed jitjiebu li l-iststistika, fost fatturi oħra, qed turi li aktar persunii qed jirrikorru u jagħmlu użu mis-servizz tal-screening.

L-avvanzi li għamel pajjiżna f’dik li hija kura tal-mard wasslu biex illum għandna sistema li biha nistgħu naqbdu każi ta’ kanċer mill-bidu. Nafu li meta dawn il-każijiet jinqabdu kmieni, iċ-ċansijiet tal-kura u l-fejqan ikunu ħafna akbar. 

Dan qed ngħiduh ukoll fil-kuntest li nhar il-Ħadd li ġej se jkun qed jitfakkar il-Jum Dinji dedikat għal aktar kuxjenza dwar l-kanċer.

Minn żmien għal żmien toħroġ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-kanċer fil-pajjiżi rispettivi u r-rata ta’ suċċess fil-kura għal din il-marda qerrieda. 

F’Malta, l-istatistika tindika li kull sena jinstabu mal-2,500 każ ġdid ta’ kanċer u madwar 1,000 minnhom ikunu terminali, tant li llum, il-kanċer qed ikun il-kawża primarja ta’ 30% tal-imwiet kollha f’pajjiżna. 

Għalhekk, għalkemm saru u għadhom isiru diveri kampanji ta’ għarfien, jeħtieġ li dawn il-kampanji jkomplu jiġu intensifikati sabiex titrawwem il-kuktura li wieħed jiċċekkja lilu nnifsu regolarment. L-iċċekkjar personali jista jkun wieħed mill-fatturi li każ ta’ kanċer jinqabad kmieni.

Sport