Il-Ġermanja qablet li tieħu 1,553 immigrant mill-Greċja li spiċċaw bla saqaf fuq rashom wara li nirien qawwijin qerdu kamp tar-refuġjati. Dan kien ikkonfermat mill-kelliem għall-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, f’ġest ta’ solidarjetà mal-Greċja.
Id-deċiżjoni ta’ Merkel ittieħdet wara li fi stħarriġ il-partit konservattiv immexxi minnha żied fil-popolarità fil-konfront tal-lemin estrem wara l-mod kif il-Ġermanja ffaċċjat b’suċċess il-pandemija tal-coronavirus.
Aktar minn 12,000 persuna, il-biċċa l-kbira tagħhom refuġajti mill-Afghanistan, l-Afrika u s-Sirja, spiċċaw bla saqaf fuq rashom u aċċess adegwat għal xorb u ikel wara li nirien qerdu għal kollox il-kamp ta’ Moria fuq il-gżira ta’ Lesbos.
Il-kelliemi għall-Gvern, Steffen Seibert, ikkonferma li l-Ġermanja se tkun qed tilqa’ 1,553 immigrant minn 408 familji li kellhom l-applikazzjonijiet għal ażil diġà milqugħa.
Il-Greċja ilha għal dawn l-aħħar snin tiffaċċja l-wasliet ta’ numru kbar ta’ immigranti bil-baħar, u attwalment hemm mat-30,000 refuġjat fuq il-gżejjer Griegi.