Monday, February 10, 2025

Il-ġiri huwa investiment fik innisfek fejn qed tinvesti llum u tikseb il-frott aktar tard – Bernard Cutajar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-atletika daħlet f’ħajti b’mod gradwali. Kien qisu tmien snin ilu li ħassejt il-ħtieġa li nibda nagħmel eżercizzju. Kont għamilt sentejn ġo gym iżda aktar xtaqt li nkun fl- apert. L-għażla naturali kienet il-mixi li eventwalment wassalni għall-ġiri. Persuna fuq ix-xogħol ħajritni jieħu sehem f’ġirja ta’ 5K u minn hemmhekk nibtet l-imħabba tiegħi għall-ġiri. Waqt dawn it-tiġrijiet ta’ 5K u 10K tibda tiltaqa’ ma’ diversi nies li jsiru ħbieb. Parir siewi kien proprju li ningħaqad ma’ klabb sabiex ikolli kowċ kwalifikat li jkun jista’ jmexxini aħjar. Hawn ingħaqadt fi ħdan il-klabb tal-atletika ta’ Zurrieq Wolves, kif ukoll fil-grupp ta’ taħriġ taħt il-gwida tal-kowċ, Mario Pisani.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bħala suċċessi nqabbel lili nnifsi ma’ atleti master tal-kategorija tiegħi. Is-suċċess ewlieni huwa li tkompli tipprova tniżżel il-ħinijiet tiegħek. Is-suċċessi jaslu bħala prodott sekondarju. Bħala rebħ kelli l-opportunitá li niġi l-ewwel fil-kategorija Master Over 45 fl-10K tat-tiġrija t’Għawdex tal-2022 u t-tielet overall fl-10K tal-Maqluba fl-2023. Bħala tragwadi huwa li nkun mal-ahjar ħames atleti fil-kategorija u meta nsiefer barra minn xtutna, inkun fi ħdan l-ewwel 10 tal-parteċipanti. Huwa importanti li jkollok tragwaridi sabiex ikollok pjan ta’ taħriġ iffukat. It-tiġrija tkun ir-riżultat tat-taħriġ li tkun għamilt fix-xhur ta’ preparazzjoni. Jistgħu jiġuk tiġrijiet ħżiena li titgħallem minnhom. Fl-aħħar mill-aħħar, it-taħrig mhux it-tiġrija li jagħtik l-istimulu li tkompli tikkompeti.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

F’dawn l-aħħar snin qed naraw diversi rekords nazzjonali jiġu miksura f’kull kategorija kemm fit-trakka kif ukoll fit-tiġrijiet fit-toroq. Ir-riżultati miksuba mill-atletika fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kif ukoll riċentement minn atleti nazzjonali fin-Nofs Maratona u l-Maratona jidher ċar. Il-livell tal-kowċis qed jitjieb b’għadd ta’ kowċis kwalifikati jibdew iħarrgu tfal minn etá żgħira. L-atleti saru aktar konxji dwar nutrizzjoni u xogħol ta’ tisħiħ fil-gym. L-atleti qegħdin jingħataw aktar opportunitá li jikkompetu barra minn Malta. Naħseb li Malta tista’ tikseb aktar suċċessi hekk kif l-aqwa atleti tagħna jkollhom opportunitajiet regolari sabiex jiġru ma’ atleti ta’ kalibru akbar barra minn Malta.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Bħala taħriġ ikollna żewġ sessjonijiet fil-ġimgħa ġewwa t-trakka Matthew Micallef St John fil-Marsa. Hawn ikollna sessjoni teknika mal-kowċ fejn niffukaw fuq ‘drill’, bio-mekkanika u ġiri fuq distanzi qosra. Grazzi għax-xoghol li sar fit-trakka waqt il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar rajna titjib fl-infrastruttura tat-trakka sabiex l-atleti jkunu aktar komdi. Idealment inħoss li għandna jkollna trakka oħra ta’ 400 metru sabiex l-atleti nazzjonali jkollhom post dedikat lilhom. Trakka sekondarja ta’ 400 metru tkun disponibbli għal atleti amatorjali sabiex huma wkoll jiksbu l-aħjar ħinijiet u riżultati fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Bħalissa apparti t-trakka fil-Marsa l-atleti jużaw trakki ta’ 200 jew 300 metru miftuħa mill-iskejjel. Bħala taħriġ fost il-ġimgħa fi ġranet oħra nkunu qed niġru fit-toroq madwar Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Bħala atleta nixtieq li nkompli ntejjeb il-ħinijiet b’mod speċjali fl-10 kilometri u n-Nofs Maratona li huma l-aktar distanzi għal qalbi. Bħala persuna nħobb ukoll il-volontarjat u b’hekk f’dawn l-aħħar tliet snin qiegħed ukoll membru fil-kumitat tal-Klabb, Zurrieq Wolves. Nixtieq inkompli ngħin sabiex ukoll bħala klabb noffru opportunitá lil kull min irid jibda jiġri jsib nies ta’ kwalitá li huma dedikati sabiex jagħtu taħriġ kemm lil żgħażagħ fin-Nursery kif ukoll lill-atleti maturi li jixtiequ jibdew jiġru għall-ewwel darba. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Nixitieq li nara aktar nies li jibdew taħriġ fil-ġiri. Huwa l-aktar sport sempliċi sabiex tibda bil-mixi li jevolvi għall-ġiri. Bħala apparat għandek bżonn żarbun tajjeb u ddaħħal minn nofsiegħa sa siegħa fir-rutina tal-ħajja. L-etá mhux fattur li għandu jżommok lura. Huwa veru ta’ kuraġġ li f’tiġrijiet lokali naraw individwi ta’ iktar minn 70 sena jiġru. Il-ġiri huwa investiment fik innisfek fejn qed tinvesti llum u tikseb il-frott aktar tard. Kemm f’sodisfazzjon li tkun spiċċajt tiġrija jew maratona iżda wisq aktar huwa l-pedament sabiex f’etá avvanzata ikun għad għandek l-abbiltá tal-movimenti u tibqa’ indipendenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport