Għexieren ta’ snin li fihom sar progress fejn jidħlu kunċetti bħalma huma l-għomor, l-edukazzjoni u l-prosperità ekonomika raw tnaqqis matul il-pandemija. Skont rapport ġdid maħruġ mill-Ġnus Magħquda, fl-aħħar sentejn, disgħa minn kull 10 pajjiżi waqgħu lura fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem.
Dan l-impatt negattiv qiegħed ikun meqjus ikkawżat minn sfidi kbar internazzjonali li mhumiex jagħtu ħin għal irkupru. Wara sentejn ta’ pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt tat-tibdil fil-klima huma fost l-akbar sfidi li wasslu għal dan l-impatt negattiv.
L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tnieda fl-1990 fi sforz biex iħares lil hinn mill-PGD bħala kejl tal-benessri. L-Iżvizzera tinsab fil-quċċata tal-indiċi din is-sena b’għomor ta’ 84 sena, medja ta’ 16-il sena u nofs ta’ edukazzjoni u salarju medju ta’ $66,000.
Fit-tarf l-ieħor tal-iskala hemm is-Sudan t’Isfel b’għomor ta’ 55, in-nies iqattgħu biss 5 snin u nofs fl-iskola u bħala medja u jaqilgħu $768 fis-sena.
L-intoppi fil-maġġoranza tal-191 pajjiż inklużi fl-indiċi, speċjalment fejn jidħol l-għomor, reġgħu lura għall-livelli ta’ żvilupp reġistrati fl-2016 biex b’hekk waqqfu l-andament pożittiv ta’ dawn l-aħħar tletin sena.
Fl-Istati Uniti, pereżempju, l-istennija tal-ħajja wara t-twelid naqset b’aktar minn sentejn mill-2019. F’pajjiżi oħra t-tnaqqis huwa saħansitra ferm ogħla.
Matul is-snin minn meta ġie introdott l-indiċi, ħafna pajjiżi affaċċjaw kriżijiet u waqgħu lura, iżda x-xejra globali konsistentement imxiet ‘il quddiem. Is-sena li għaddiet kienet l-ewwel darba li l-indiċi naqas b’mod ġenerali minn meta bdew il-kalkoli u r-riżultati ta’ din is-sena s-sitwazzjoni kompliet tiggrava.
Skont ir-riżultati tal-indiċi, żewġ terzi tal-pajjiżi sinjuri, is-sena li għaddiet kellhom perjodu ta’ rkupru filwaqt li ħafna oħrajn komplew inaqqsu. L-indiċi ta’ din is-sena huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura mis-sena li għaddiet.
Wieħed mill-awturi tal-indiċi; Achim Steiner, qal li l-prospetti għas-sena 2022 huma “skuri” u rrimarka li aktar minn 80 pajjiż qed jaffaċċjaw problemi biex iħallsu d-dejn nazzjonali tagħhom.