– Dr Marlene Cini, Chairperson tal-Gozo Channel (Operations) Ltd.
“Min-naħa tiegħi se naħdem sabiex il-kumpanija tkompli twettaq il-funzjonijiet tagħha bl-ogħla standards ta’ governanza, b’ippjanar tajjeb u b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kollha involuti, dejjem fl-interess tal-pubbliku.”
Hekk iddikjarat Dr Marlene Cini mal-ġurnal IT-TORĊA ftit tal-jiem wara li tħabbar li kienet se tibda tokkupa l-kariga ta’ Chairman Chairperson tal-Gozo Channel.
Mistoqsija dwar din il-kariga, Dr Cini tistqarr ma’ dan il-ġurnal li “huwa unur kbir għalija li ngħatajt din ir-responsabbiltà. Inħares lejn din il-ħatra mhux bħala kisba personali, iżda bħala opportunità biex nagħti s-sehem tiegħi lill-kumpanija u lis-servizz li hija tagħti lill-komunità Għawdxija u Maltija. Nemmen li dak li verament jgħodd huwa x-xogħol li nagħmlu u r-riżultati li nwasslu, dejjem fl-aħjar interess tal-passiġġieri u tal-kumpanija.”
Bħala Għawdxija, Dr Cini hija konxja mill-fatt li l-Gozo Channel hija l-linja tal-ħajja għal Għawdxin hekk kif mijiet kbar ta’ ħaddiema jkollhom jaqsmu għax-xogħol kuljum. Matul is-sena skolastika, mijiet kbar ta’ studenti wkoll jaqsmu lejn Malta biex ikomplu bl-istudji tagħhom.
Aktar minn hekk permezz tal-Gozo Channel, Għawdex jista’ jkollu l-provisti kollha bażiċi biex l-Għawdxin ikunu jisgħu jgħixu.
“Il-Gozo Channel għandha rwol essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum tal-Għawdxin. F’dan l-istadju qed niffamiljarizza ruħi aktar mal-operat tal-kumpanija u se naħdem mill-qrib mal-Bord, mal-CEO u mat-tim kollu sabiex inkomplu nibnu fuq is-servizz eżistenti, dejjem b’enfasi fuq l-affidabbiltà, l-effiċjenza u servizz ta’ kwalità għall-passiġġieri,” tgħidilna Dr Cini.
Iċ-Chairman il-ġdid tal-Gozo Channel b’referenza għal Manifest elettorali li bih il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali u li fih hemm miri ambizjużi ħafna għal din il-kumpanija, Dr Cini tgħidilna li “l-Gozo Channel għandha rwol importanti fit-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern għat-trasport bejn Malta u Għawdex
Iċ-Chairperson il-ġdid tal-Gozo Channel, dwar il-viżjoni tal-Gvern għat-trasport bejn Malta u Għawdex, Dr Cini tgħidilna li ‘l-Gozo Channel għandha rwol importanti biex tkompli tipprovdi servizz essenzjali bejn Malta u Għawdex, filwaqt li tikkontribwixxi għat-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern f’dan is-settur.
Pre-booking
Punti li sikwit jitkellmu dwar l-Għawdxin huma dwar il-pre-booking li int tibbukja minn qabel u jkollok post garantit fuq vjaġġ partikolari. L-aktar li tisemma huwa dwar meta wieħed ikun irid isifer u jispiċċa jinżel l-Imġarr u jsib kju ta’ karozzi.
Minħabba dan il-punt, ħafna Għawdxin ikollhom jaqsmu ħafna qabel il-ħin biex jassiguraw li jaslu fil-ħin l-ajruport.
Dwar dan Dr Marlene Cini tgħidilna li “din hija kwistjoni li teħtieġ evalwazzjoni bir-reqqa minn diversi aspetti, fosthom dawk operattivi, tekniċi u tas-servizz lill-passiġġieri. Peress li għadni kemm bdejt f’din il-kariga, ikun prematur li nieħu pożizzjoni definittiva. Żgur li se nisma’ lill-partijiet kollha involuti u nevalwa kull proposta bil-għan li dejjem jitjieb is-servizz offrut lill-pubbliku.”
e-Ticketing
Ħtieġa oħra li jistaqsu ħafna l-Għawdxin dwarha hija e-ticketing fejn wieħed ikun jista’ juża sistemi online, jaqta’ l-biljett u jkun jista’ anke jaqbeż il-kuj tal-karozzi li jkunu qegħdin jistennew biex jaqtgħu l-biljett.
Dr Cini tgħidilna li “t-teknoloġija għandha rwol importanti biex is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u aktar konvenjenti għall-passiġġieri. Se nkompli niffamiljarizza ruħi mal-operat tas-sistema eżistenti u nara, flimkien mat-tim tal-kumpanija, fejn hemm lok għal aktar titjib, dejjem bl-għan li noffru esperjenza aħjar lill-passiġġieri u servizz li jkompli jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom.”