Marvic Stivala ta’ 42 sena residenti n-Naxxar, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn ġie mixli nhar il-Ġimgħa u fil-ġranet ta’ qabel, iffastidja lill-oħtu u li dan ikkawża offiża gravi fiżika jew psikoloġika fuq il-vittma.
Ir-raġel ġie akkużat ukoll li wassal lill-oħtu tibża’ li se tintuża vjolenza kontrieha jew kontra l-propjeta’ tagħha jew kontra l-persuna jew propjeta’ ta’ xi ħadd jiġi minnha.
Meta mitlub xi jwieġeb għal akkużi hu wieġeb ħat. Wara li l-qorti tagħtu żmien jaħseb fuq l-ammissjoni tiegħu, l-akkużat wieġeb mhux ħati.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjoni minħabba li oħtu għad trid tixhed. Aktar minn hekk, il-prosekuzzjoni qalet li għalkemm dan kien l-ewwel rapport li tressaq minn oħtu, jdiher li din mhux l-ewwel darba li l-imputat għamel theddid fuqha.
Id-difiża enfasizzat li dan hu l-ewwel rapport tax-xorta tiegħu u għalhekk qalet li l-qorti tista’ ssib bilanċ bejn li tipproteġi d-drittijiet tal-allegata vittma u d-drittijiet tal-imputat.
Il-qorti qalet li wara li rat ir-rapport li resqet l-allegata vittma fuq akkużi ta’ vjolenza domestika, tiċħad il-ħelsien mill-arrest minħabba m-natura serja tal-akkużi fil-konfront tal-imputat u wkoll il-biża tal-intralċ tal-provi.
Il-Maġistrat qalet li jirriżulta li l-imputat għandi problema serja ta’ abbuż tad-droga u jeħtieġ li jingħata l-għajnuna u direzzjoni.
II-Maġistrat Grima ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront t’oħtu. Grima irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilita’ ta’ Kordin biex jagħti l-gġajnuna neċessarja kollha kemm medika u wkoll psikjatrika u psikoloġika li għandu bżonn Marvic Stivala biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Christian Cauchi. Dr Katya Vassallo kienet Parte Civile filwaqt li l-akkużat ġie rrappreżentat minn Dr Thomas Barbaro Sant.