Fl-2023, gradwati fil-livell terzjarju kienu jammontaw għal 5,833, li jfisser żieda taʼ 6.6 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-parti l-kbira tal-gradwati terzjarji kisbu kwalifika fil-livell ISCED 6 (Baċellerat jew ekwivalenti) (52.5 fil-mija). Warajhom, 34.9 fil-mija tal-gradwati terzjarji kollha kisbu kwalifika fil-livell ISCED 7 (Masters jew ekwivalenti).
Aktar minn nofs il-gradwati terzjarji (60.1 fil-mija) kienu nisa. In-nisa għaddew lill-irġiel fil-livelli kollha tal-edukazzjoni terzjarja. Għal kull 100 gradwat raġel, kien hemm 151 gradwata mara.
Fl-2022, 71.9 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika minn programm fuq bażi full-time. Il-gradwati barranin kienu jlaħħqu l-1,526, li jfissru 26.2 fil-mija tal-gradwati kollha fil-livell terzjarju, u b’hekk żdiedu b’12.3 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel.
Il-qasam ta’ studju tan-‘Negozju, amministrazzjoni u liġi’ kien l-aktar wieħed popolari fost il-gradwati terzjarji fl-2022, fejn gradwati f’dan il-qasam kienu jkopru aktar minn kwart tal-gradwati kollha (29.7 fil-mija). Warajhom kien hemm il-gradwati fis-‘Saħħa u l-benesseri’ bi 23.2 fil-mija. L-‘Agrikoltura, forestrija, sajd u veterinija’ kien il-qasam ta’ studju bl-inqas għadd ta’ gradwati terzjarji, li ammontaw għal 0.2 fil-mija.