Sunday, December 22, 2024

Il-grupp kollu ta’ Sliema Wanderers FC kien determinanti għal dan is-suċċess – Edmond Agius

Aqra wkoll

Edmond Agius twieled fit-23 ta’ Frar 1987 u llum il-ġurnata għandu 37 sena. Hu plejer ta’ nofs il-grawnd li jilgħab ma’ Sliema Wanderers, klabb li ilu miegħu għal dawn l-aħħar seba’ snin. Fil-passat lagħab ukoll ma’ Hibernians, Valletta u Birkirkara. Hu beda l-karriera tiegħu fl-akkademja Pawlista fejn kompla jiżviluppa l-ħiliet tiegħu. 

Fil-kurrikulu tiegħu għandu żewġ titli tal-kampjonat mirbuħa ma’ Hibernians u tlieta ma’ Valletta kif ukoll sitt FA Trophies ma’ Hibernians, Valletta, Birkirkara u Sliema Wanderers. Kellu wkoll esperjenza qasira mat-tim nazzjonali Malti fejn deher darbtejn.

Ftit tal-jiem ilu hu kien parti mit-tim formidabbli ta’ Sliema Wanderers li għadhom kemm rebħu l-Izibet FA Trophy wara li għelbu lil Floriana bl-għoti tal-penalties.

Dan is-sit elettroniku ħa l-kummenti ta’ Edmond Agius dwar dan l-unur riċenti li għadu kemm rebaħ.

Għadkom kemm ġejjin minn suċċess mill-aqwa fl-Izibet FA Trophy. X’kien is-sigriet tar-rebħ ta’ dan it-titlu kif ukoll x’emozzjonijiet ħassejt meta għollejt it-tazza?

Jien għollejt it-trophy mal-kollega tiegħi Mark Scerri. Ridt personalment li hu jkun miegħi waqt il-preżentazzjoni ta’ din it-tazza minħabba li ħadt il-faxxa ta’ captain mingħandu wara li hu weġġa’ u kellu jagħmel barra diversi xhur.

Issa int semmejtli s-sigriet wara dan is-suċċess. Hemm ħafna elementi nistgħu ngħidu hekk iżda li hu żgur hu li l-grupp kollu ta’ Sliema Wanderers FC kien determinanti għal dan is-suċċess. Insemmi l-president Keith Perry, il-membri tal-kumitat li ħadmu id f’id miegħu, il-kowċ Paul Zammit u l-istaff tekniku tiegħu. Kulħadd kien importanti sabiex wasal dan is-suċċess.

Semmejt il-kowċ Paul Zammit. Kemm kien importanti dan il-kowċ sabiex waslet din ir-rebħa?

Jien nemmen li Paul Zammit kien dak il-bniedem li għaqqad ‘l hekk imsejħa jigsaw puzzle flimkien. Hu rnexxielu jgħaqqad lil kulħadd flimkien, plejers b’karattru differenti, veterani u żgħażagħ għal għan wieħed. Jien ili mhux ħażin hawnhekk u kowċ Pawlu kien dak li għaqqad lil kulħadd bħala familja. Ninsab kuntent li għandi lilu bħala kowċ.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kumitat immexxi mill-president Keith Perry? 

Il-kumitat immexxi mill-president Keith Perry hu wieħed magħqud ferm. Kien magħqud anke f’mument xejn sabiħ meta t-tim waqa’ għaċ-Challenge League. Minkejja din il-problema li nqalgħet, il-kumitat xammar il-kmiem u beda jaħdem sabiex jirranġa s-sitwazzjoni. Kollox sar fis-silenzju mingħajr ħafna daqq tat-trombi u din hi l-ħaġa li nammira f’dawn il-membri li baqgħu kalmi u ġġieldu l-maltemp sa ma fl-aħħar raw il-bnazzi. Obbligati ħafna għal dawn il-membri tal-kumitat għax kieku mingħajr il-ħidma tagħhom, il-klabb tas-Sliema ma kienx ikun fejn jinsab bħalissa. 

Fuq il-president ftit għandi xi ngħid ħlief li hu wieħed minn dawk il-persuni ġenwini u tal-affari tiegħu.

Int kont il-captain ta’ Sliema Wanderers għal dawn l-aħħar ġimgħat. X’responsabbilta’ ħassejt tilbes il-faxxa ta’ captain?

Ovvjament iva nemmen li meta tkun captain ta’ tim, dan iġorr miegħu responsabbilta’ kbira. Jien ħadt din il-faxxa minħabba li Mark Scerri weġġa’ u kellu jibqa’ barra għal xi żmien. Kif spjegajtlek aktar qabel xtaqt li Mark jiġi jgħolli t-tazza miegħi.

Minkejja kollox, nirringrazzja lill-coaching staff tal-klabb li fdawli b’din ir-responsabbilta’ tant sabiħa.

Int irbaħt ħafna unuri ma’ Valletta FC iżda kemm hu differenti t-trofew li rbaħt riċentement?

Biex ngħidlek eżatt, din hi s-sitt FA Trophy li rbaħt fil-karriera tiegħi. Kull darba li ħadtha, kien hemm storja partikolari warajha. L-ewwel darba li ħadtha kelli 18-il sena u llum il-ġurnata, 19-il sena wara jien inħossni raġel wara li dak iż-żmien kont għadni żagħżugħ. 

Dan it-trofew li rbaħna din is-sena kien fih storja sabiħa meta tqis li sena ilu kont qed nerfa’ t-tazza tal-BOV Challenge League. Żgur li ħadd ma kien qed jaħseb li sena wara konna se nerfgħu l-FA Trophy u wisq inqas li t-tim se jispiċċa b’mod komdu fit-tielet post tal-klassifika tal-kampjonat Premier u jikkwalifika għall-UEFA Europa Conference League. Dan l-unur ġie ukoll eżatt fid-data tas-sitt anniversarju mill-mewt ta’ missieri.

Int ilek tilgħab fl-ogħla livell tal-futbol Malti għal kważi 20 sena. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar kemm żdied dan il-livell?

Mil-lat ta’ fiżika żgur li kien hemm titjib. Illum trid tkun verament fiżikament tajjeb sabiex tlaħħaq mal-pass ta’ diversi plejers. Jien dejjem inżomm lili nnifsi fiżikament tajjeb.

Jekk insemmi l-livell ta’ timijiet, illum kulħadd itik logħba u m’hemmx tim jew ieħor li miegħu toħroġ u tagħmilha fatta li se tirbaħ. Il-barranin li qed jiġu għandhom livell għoli u kapaċi jbiddlu l-logħba minn ħin għal ieħor.

X’se jkun il-futur ta’ Edmund Agius?

Għalissa għadni qed niċċelebra r-rebħ tal-Izibet FA Trophy. Issa naraw x’se jiġri ‘l quddiem. Il-kuntratt tiegħu ma’ Sliema Wanderers spiċċa hawn u issa rrid niddeċiedi x’irrid nagħmel fil-jiem li ġejjin.

Nixtieqek twassal messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk il-persuni li tħoss li għenuk tasal fejn wasalt.

L-ewwel u qabel kollox, nirringrazzja lill-familja tiegħi li kienu miegħi kull meta kont se nieħu deċiżjoni u anke rawni fil-mumenti pożittivi u forsi inqas tajbin.

Grazzi tmur lil Sliema Wanderers FC, il-kumitat, staff tekniku u plejers. Ma rridx ninsa wkoll lill-partitarji ta’ Sliema Wanderers li kienu magħna tul din l-avventura tagħna!

Ekonomija

Sport