Friday, November 15, 2024

Il-grupp storiku In Guardia jfakkar u jġedded it-twaqqif tal-Furjana

Suċċess kbir għal Ġenna ta’ Ġonna- minn George Maggi

Aqra wkoll

F’għodwa mill-isbaħ kollha xemx, waħda mill-attivitajiet fil-jum dedikat lill-Furjana, Ġenna ta’ Ġonna, nhar il-Ħadd 20 ta’ Ottubru, kienet l-isfilata li l-Grupp storiku tal-MTA In Guardia għamel matul il-pjazez u t-toroq tal-Furjana. B’hekk il-Grupp ġedded u fakkar it-twaqqif tal-Furjana mill-Gran Mastru Antoine Manoel de Vilhena 300 sena ilu.

L-isfilata, li fiha ħadu sehem re-enactors tal-MTA libsin ilbies tal-epoka miżmumin tajjeb minn Margaret Borg kostumista u ħajjata, bdiet minn ħdejn il-knisja arċipretali ta’ San Publju għal ħdejn il-knisja storika ta’ Sarria.

Hemmhekk in-Narratur, faċċata tal-knisja fejn kien hemm grupp kbir ta’ nies jistennew biex jidħlu jaraw il-Mina tal-Ferrovija, ta tagħrif dwar it-twaqqif ta’ Borgo Vilhena u l-Gran Mastru ħabbar li din il-biċċa art bejn il-Belt Valletta u s-swar setgħet tinbena u tkun mgħammra u għaldaqstant hu semmieha Borgo Vilhena.

Il-Gran Mastru stqarr li: Jien Fra Antoine Manuel de Vilhena niddikjara li din l-art għandha timtela bil-bini u tilqa’ fiha s-sudditi li bil-ħidma u l-għaqal tagħhom isawruha u jsebbħuha. Għaldaqstant mil-lum ’il quddiem din l-art tibda tissejjaħ Borgo Vilhena.

It-tieni waqfa saret fi Triq San Publju ftit ’l isfel mill-bini tal-Kunsill Lokali Floriana. Hawnhekk kienet għaddejja attività ta’ żfin fiċ-Ċentru tal-Floriana Senior Citizens li meta resqet l-isfilata  dawk li kienu qed jieħdu sehem ħarġu miċ-Ċentru u raw l-isfilata u segwew id-diskors tan-Narratur u l-kelmtejn tal-Gran Mastru.

Waqfa oħra saret fil-kantuniera fl-istess triq fejn il-ħanut tal-kafè li fih inħadmet l-istatwa artistika ta’ San Publju minn Vincenzo Dimech. Mill-ġdid in-Narratur fakkar dwar it-twaqqif tal-Furjana u l-Gran Mastru ħabbar dan it-twaqqif.

L-isfilata, bid-daqq tat-tnabar u bugles niżlet minn Triq il-Miratur u daħlet taħt il-Loġoġ. Hawn il-Gran Mastru u xi uffiċjali marru quddiem il-Każin tal-Banda Filarmonika Vilhena u tennew id-diskorsi tagħhom.

Wara l-isfilata telgħat minn Triq is-Suq għal quddiem il-Każin tal-Football Furjaniż fejn mill-ġdid intqalu d-diskorsi min-Narratur u l-Gran Mastru, kienu sparati tiri ta’ ferħ u wara l-isfilata reġgħet niżlet minn Triq il-Miratur għal taħt il-Loġoġ u waslet quddiem il-monument tal-Gran Mastru Antoine Manoel de Vilhena.

Hawnhekk in-Narratur għall-aħħar darba reġa’ ta t-tagħrif dwar it-twaqqif tal-Furjana u l-Gran Mastru  tenna li l-art bejn il-belt Valletta u s-swar kellha tissemma’ Borgo Vilhena wara li tkun mibnija u mgħammra.

Flimkien mas-Sindku Nigel Holland, il-Grupp tal-In Guardia ħadu ritratt tal-grupp mal-monument tal-bronż tal-Gran Mastru  Antoine Manoel de Vilhena. Is-Sindku Nigel Holland irringrazzja ħafna lil dawk kollha li ħadu ħsieb imexxu l-grupp Stefan Vella, Daniel Sammut, Conrad Borg, Mario Coleiro u  Margaret Borg kif ukoll lir-re-enactors kollha u kellu kliem ta’ tifħir għal kif huma taw ħajja lill-attività Ġenna ta’ Ġonna.

Attivitajiet oħra li saru matul il-Ġenna ta’ Ġonna kienu purċissjoni bl-istatwa żgħira  ta’ San Publju xogħol Publio Agius organizzata mill-Kappella San Publju flimkien mal-Banda Filarmonika Vilhena,  il-ftuħ tal-knisja arċipretali ta’ San Publju u li min xtaq seta’ jitla’ fuq il-bejt jara ġmiel ta’ veduta, il-Mina tal-Ferrovija, il-knisja, il-Mużew u l-kripta tal-Kappuċċini, attività fiċ-Ċentru tal-Floriana Seniors Citizens, wirja ta’ karozzi klassiċi u vintage, dawra mal-Furjana bil-karozzin jew karozza antika lewn aħdar kif ukoll bankarelli fil-Mall u l-Biskuttin.

Mijiet ta’ nies kemm Furjaniżi  kif ukoll dawk li ma baqgħux joqgħodu l-Furjana u oħrajn mhux Furjaniżi attendew għall-attività Furjaniża ta’ Ġenna ta’ Ġonna u kellhom kliem ta’ tifħir. Jekk xejn din l-attività Furjaniża serviet biex il-Furjaniżi, speċjalment dawk li ma baqgħux joqgħodu l-Furjana, iltaqgħu u ġeddu mumenti sbieħ ta’ tfulithom u żgħożithom.

● Huma, filwaqt li għamlu appuntament għal sena oħra,  ammiraw dak kollu li toffri l-Furjana storikament, arkitettonikament u ambjentalment flimkien mat-tnax-il ġnien li jdawru l-Furjana u li għalhekk fil-wisa’ tista’ tissejjaħ Belt il-Ġonna, Garden City.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport