Monday, December 9, 2024

Il-“ħbiberija” strateġika bejn Musk u Trump

Logħba tal-flus f’forma ta’ donazzjonijiet  li tista’ tinfluwenza r-riżultat… Alleanza għal interessi komuni?

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għada huwa l-jum tant mistenni tal-elezzjoni għar-rwol l-aktar potenti fid-dinja bħala l-President tal-Istati Uniti. Il-ġlieda hija bejn Donald Trump u Kamala Harris. It-tnejn “assetanati” biex ikunu fit-tmun tas-super potenza u warajhom hemm sostenituri u donaturi li jimbottaw il-kandidat favorit tagħhom. Interessanti huwa l-fatt ta’ kif il-flus, taħt forma ta’ donazzjonijiet, qiegħed ikollhom rwol partikolari fil-kampanja elettorali Amerikana b’tali mod u manjiera li jistgħu jkunu kruċjali fl-andament tar-riżultat finali tal-istess elezzjoni. Dan inkunu nafuh meta jħabbru min tela’ bħala President tal-Istati Uniti. 

Fuq it-tema ta’ donazzjonijiet f’din il-kampanja elettorali mimlija kontroversji, l-aktar donatur li ġibed attenzjoni huwa l-biljunarju Elon Musk. Dan hekk kif f’inqas minn xahar ta’ din l-elezzjoni, Musk ta mal-€112 miljun għall-kampanja elettorali tal-kandidat Repubblikan u eks President, Donald Trump. Barra s-sostenn finanzjarju qawwi u bla preċedent li ta biex Trump, ukoll negozjant u biljunarju bħalu, jerġa’ jiġi elett, Musk daħal b’ruħu u ġismu favurih. Dan saħansitra anke ngħaqad ma’ Trump biex jindirizza attivitajiet politiċi u wasal fl-estremità li joffri miljun dollaru lil persuni li jivvotaw lil sieħbu Trump.

Bl-għajta jien ukoll “MAGA”, li hija abbrivijazzjoni tal-frażi li dejjem juża Trump – “Making America Great Again”, Musk beda “logħba” bil-ħafna flus li għandu biex jipprova jinfluwenza l-andament ta’ min se jkun fit-tmun tal-White House. Hawn wieħed ma jistax ma jistaqsix x’inhuma l-intenzjonijiet tal-bilunarju u viżjunarju Musk wara l-appoġġ totali u tant leali lejn Trump. 

Il-viżjunarju li se juża lil Trump bħala ż-żiemel ta’ Trojja

Il-fundatur ta’ Tesla u SpaceX għadda l-miljuni lil Trump permezz tal-Political Action Committee (PAC), terminu wżat ħafna għal kumitat politiku organizzat biex jinġabru donazzjoniijet li jintużaw biex jiġu eletti l-kandidati favoriti. Fil-każ ta’ Elon Musk, dan sar wieħed mill-akbar donaturi fil-PAC fl-Istorja Amerikana. Iżda, fil-verità, x’irid jakkwista b’dan kollu?

Elon Musk huwa viżjunarju u minn dejjem ħolom li jagħti xejra ġdida lid-dinja. Bl-innovazzjonijiet, l-ideat, l-aspirazzjojnijiet u l-miri tiegħu diġà nafu kemm irid u kapaċi jinfluwenza l-Istorja umana u x’inhu l-mod l-aktar faċli biex jilħaq l-iskop tiegħu? Jekk Musk ikun spalla ma’ spalla mal-aktar raġel potenti fid-dinja, il-viżjoni tiegħu tista’ aktar faċilment issir realtà. B’Donald Trump fit-tmun tal-Istati Uniti, ħafna jemmnu li Musk se jdaħħalna f’era “estrema” ġdida u jekk elett, Trump se jkun “iż-żiemel ta’ Trojja” li se jgħinu f’din l-aspirazzjoni. 

Jekk Musk, bl-influwenza u s-sostenn finanzjarju, jerġa’ jpoġġi lil Trump fil-Whitehouse, l-intelliġenza tiegħu magħquda mal-poter tal-President Amerikan se tkun waħda b’saħħitha u bla waqfien. Dan biex wieħed ma jsemmix l-opportunità ta’ negozju kbir li Musk jista’ jakkwista b’kuntratti bla preċedent mill-Istat Amerikan. Dan dejjem jekk ikun Trump li jiġi elett f’din l-elezzjoni presidenzjali.

Musk bi strateġija partikolari…

Trump għandu diversi donaturi li huma sinjuruni kbar iżda Musk huwa l-aktar wieħed bi strateġija partikolari. Dan hekk kif Trump diġà b’mod uffiċjali u bla kantunieri stieden lil Musk fit-tmexxija tal-gvern tiegħu. Fost rwoli msemmija għal Musk hemm dak ta’ kap tal-inġinieri biex jagħti xejra ġdida lill-istat Amerikan u għaldaqstant lill-ħajja b’mod ġenerali fl-Amerika. Jekk iseħħ hekk, dan ikun jista’ jfisser li Musk se jkun il-persuna li jiddeċiedi verament il-futur tal-Amerika u l-futur tal-bqija tad-dinja.

Filwaqt li fil-bidu tal-kampanja elettorali Musk kien xettiku lejn l-idea li Trump jerġa’ jiġi elett bħala l-President tal-Istati (fil-fatt kien sostenitur ta’ Ron DeSantis) bil-mod il-mod dan il-biljunarju beda jxaqleb biex issa huwa fanatiku MAGA. L-attitudni lejn Trump qisha parallela ma’ dik li Musk iħoss dwar l-intelliġenza artifiċjali. Min-naħa jgħid l-AI tista’ twassal għall-qirda tal-umanità u min-naħa l-oħra jisħaq li jekk l-AI tkun ikkontrollata minn inġinier brillanti, din tista’ tkun l-akbar invenzjoni fl-Istorja umana b’vantaġġi li nistgħu biss nimmaġinaw.

Gwadann personali li diġà jeżisti imma jista’ jiżdied bil-ħafna

L-ewwel karatteristika li żgur ġibdet lil Musk lejn Trump hija dik li t-tnejn huma negozjanti. Iżda, l-interess suprem ta’ Musk huwa ssuspettat li huwa lejn gwadann personali. Bħal ħafna biljunarji oħra esponenti tal-liberaliżmu, Musk qiegħed jara l-gvern bħala sors ta’ profitt kbir. Il-kumpanija tiegħu SpaceX tiddependi minn kuntratti ma’ entitajiet governattivi inkluż il-Pentagon u hija infilsata fin-NASA. Il-kumpanija tal-karozzi Tesla għandha gwadann minn kreditu fit-taxxi għal vetturi elettroniċi kif ukoll sussidji fuq iċ-charging stations. Skont informazzjoni maħruġa fuq “Politico” iż-żewġ kumpaniji ngħataw xejn inqas minn $15-il biljun f’kuntratti federali.  

Iżda, dan mhux kollox. Skont “The Wall Street Journal” SpaceX għaddejja bi proġetti ta’ ddisinjar ta’ prodotti ġodda relatati mas-sigurtà. Musk bħalissa jgawdi frazzjon ta’ dak li jista’ jakkwista b’kuntratti governattivi u probabbilment qiegħed jara lil Trump bħala ċ-ċavetta li tiftaħ safe mimli flus. Trump huwa magħruf li jippremja lil dawk li jagħtuh sostenn u filwaqt li presidenti oħra setgħu kienu limitati f’dak li huwa moralment ġust, Trump pjuttost huwa magħruf li ma jagħtix kas. Dan aktar hekk kif fl-ewwel terminu tiegħu bħala President tal-Istati Uniti, induna li l-partit tiegħu ma kien qatt sejjer jeħodha kontrih jew jieħu passi għat-trasgressjonijiet tiegħu.

Jagħmel l-aktar raġel sinjur fid-dinja aktar sinjur

… Possibbiltà konsistenti mal-pjanijiet ta’ Trump

Jekk Trump jerbaħ l-elezzjoni t’għada mhuwiex diffiċli biex wieħed jissoponi kif Musk se jgawdi minn din l-alleanza. Trump diġà semma’ kif lil Musk se jagħtih l-inkarigu ta’ kummissjoni li tassigura effiċjenza mill-gvern. Semma’ wkoll rwol ieħor fejn Musk ikun responsabbli għal strateġija biex tonqos in-nefqa tal-pajjiż. Xenarju minnhom jista’ jkun li Musk jimbotta għall-privatizzazzjoni ta’ kumpaniji governattivi biex jissaħħu aktar negozjanti privati. 

Meta Trump jisħaq li Musk għad waqt l-amministrazzjoni tiegħu jibgħat rokits fuq il-pjaneta Mars, mhuwiex jissuġġerixxi missjoni bħalma saret fil-programm Apollo. Analisti jemmnu li Trump għandu f’moħħu li SpaceX tgawdi minn kuntratti tal-biljuni ta’ dollari li qatt ta l-Gvern tal-Istati Uniti fl-Istorja tiegħu. Trump bi stqarrijiet bħal dawn qiegħed jindika li għandu f’moħħu li jagħmel lill-aktar raġel sinjur tad-dinja, aktar sinjur! 

Ovvjament din hija biss possibbiltà. Iżda hija possibbiltà konsistenti mal-pjanijiet ta’ Trump għat-tieni terminu tiegħu fit-tmun tal-Istati Uniti li jinvolvu x-xoljiment tal-gvern federali. B’din il-mossa se jiġu eliminati għadd ta’ servizzi ċivili politikament newtrali kif ukoll aġenziji u dipartimenti tal-kabinett kollu. Din hija eżattament il-bidla konformi mal-aspirazzjoni grandjuża ta’ Musk li jibqa’ mfakkar fl-Istorja umana.

L-influwenza ta’ Musk fil-qalb tal-amministrazzjoni ta’ Trump

Bil-kuntratti tal-gvern u bl-influwenza interna tiegħu Musk se jkun aktar involut fis-sigurtà nazzjonali Amerikana. Huwa diġà għandu kuntratt sigriet ta’ $1.8 biljun issuspettat li huwa man-National Reconnaissance Office. Barra minnhekk, permezz ta’ diviżjoni fi SpaceX li jisimha “Starshield”, Musk jissuplixxi networks ta’ komunikazzjoni għall-militar ukoll. F’mument meta l-gvern qiegħed jiffaċċja deċiżjonijiet kruċjali dwar il-futur tal-AI u l-kummerċilizzazzjoni tal-ispażju, l-ideali ta’ Musk se jissaħħu aktar.

Fl-aħħar mill-aħħar, negożjant potenti bħal Musk flimkien mal-attitudni “partikolari” tiegħu, hemm min jemmen li se jkun ta’ periklu jekk ikun elett president Donald Trump. Fil-fatt, l-aktar li qiegħed iħasseb lin-nies mhuwiex il-fatt li Donald Trump jista’ jkun għal darb’oħra President tal-Istati Uniti, imma li ħdejh u jżomm it-tmun miegħu, se jkun hemm Elon Musk. 

Dawn it-tnejn flimkien bħala tim verament huma partikolari. Is-saħħa tagħhom tista’ tkun is-saħħa tal-Amerikani u l-bqija tad-dinja imma, jekk jimxu b’ċerti ideoloġiji li mhumiex soċjali u fl-interess tal-poplu Amerikan u b’mod aktar wiesgħa, uman, ir-riperikussjonijiet jistgħu jkunu kbar. 

Bħal fil-każ tal-ħbiberija li Trump għandu mal-President Russu Vladimir Putin, il-ħbiberija li issa għandu ma’ Musk hija taħt skrutinju kbir. Il-flus li Musk “investa” taħt forma ta’ donazzjonijiet qiegħda tqajjem suspetti kbar. Però, wieħed ma jistax jiġġudika jew jispekula qabel ma jara l-fatti. Bħalma Harris “iddobbat” il-miljuni ta’ ewro għall-kampanja elettorali tagħha biex terbaħ l-elezzjoni t’għada, ukoll Trump kellu bżonn ta’ sostenituri li jimpalawlu l-flus. Dan irriżulta li kien Musk u kif qiegħed jisħaq dan in-negozjant biljunarju, l-għan tiegħu huwa  wieħed ġenwin – dak li għall darb’oħra, jerġgħu jagħmlu l-Amerika pajjiż b’saħħtu. 

Min-naħa Ta’ Trump, l-akbar interess f’din l-alleanza huwa li jerbaħ din l-elezzjoni presidenzjali u Musk qiegħed jagħtih imbottatura qawwija biex jilħaq dan l-għan. Basta għal Trump, tgħaddi tiegħu!

Ekonomija

Sport