Friday, December 13, 2024

Kwalità

Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Fi żmien tal-prova tista’ tara min huma l-vera ħbieb tiegħek u min huwa taparsi ħabib tiegħek imma meta tiġi bżonnu ma ssibux. Bil-Malti ngħidu li bil-paroli kulħadd jgħid li jrid imma bil-fatti tkun taf fejn tinstab mal-ħbieb u dawk ta’ madwarek. 

Il-poplu għandu mera ta’ dan kollu għax il-pandemija tal-Covid-19 kienet żmien ta’ prova għaz-żewġ partiti l-kbar u bla dubju ta’ xejn il-Gvern Laburista kien hemm għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Kien hemm għal kull sezzjoni tal-poplu – ħaddiema, nies fin-negozju, tfal, persuni b’diżabilità, ħaddiema li jaħdmu mas-settur privat, kif ukoll dak pubbliku, anzjani u mhux. Dan kien li wassal biex meta għaddiet il-pandemija Malta rat tkabbir ekonomiku bla preċedent. Nistgħu ngħidu li meta l-ekonomisti jqabblu l-ekonomiji ta’ Malta ma’ pajjiżi oħrajn fl-Unioni Ewropea, Malta ħarbet tiġri mqabbla ma’ dawn il-pajjiżi.

Ekonomija b’passi ta’ ġgant u numri rekord

Filwaqt li pajjiżi oħrajn għadhom ma rkuprawx, l-ekonomija Maltija qiegħda tagħmel passi ta’ ġgant b’numri rekord. Fid-dinja ma jigri xejn b’kumbinazzjoni u lanqas dan il-fatt ma ġara b’kumbinazzjoni imma kollox huwa riżultat ta’ xi ħaġa.  Il-fatt li llum għandna numri rekord fl-ekonomija tagħna huwa kollu dovut għad-deċiżjonijiet tajbin li ħadna. Deċiżjonijiet li ħadna waqt il-pandemija u li kienu l-aqwa deċiżjonijiet li stajna nieħdu għal futur aħjar tal-poplu tagħna. Din ma kinitx xi ħaġa faċli meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li ma kien hemm l-ebda manwal li stajna nsegwu biex nieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Imma, tirifletti wkoll il-valuri u prinċipji tajbin li għandna bħala partit fil-Gvern u bħala Prim Ministru u tmexxija tal-pajjiż. 

Il-mistoqsija li wieġeb il-Gvern  kienet waħda bażilka, x’futur ried li joffri lill-poplu tagħna? U l-għajnuna li offra lin-negozji Maltin u Għawdxin kienet għajnuna biex meta jgħaddi kollox il-ħajja tista’ tibqa’ sejra. Ma ridna qatt li nħallu kollox jitkisser imbagħad wara naraw. Ridna li nikkonsolidaw lil pajjiżna ħalli meta jgħaddi kollox nkunu sodi u lesti biex nilqgħu l-isfidi għall-futur. 

Familja b’saħħitha hija pajjiż b’saħħtu

Għalhekk, il-Gvern uża r-riżorsi kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biex ipproteġa l-iktar ħaġa għażiża li għandna bħala poplu – il-familja Maltija u Għawdxija, il-familja f’kull tip ta’ forma tagħha. Għax dan huwa il-Gvern tal-familja li bil-fatti kull meta kellu l-opportunità pproteġa l-familja u għamel minn kollox biex jikkonsolida s-saħħa li għandha l-familja fis-socjetà tagħna. Għax dan huwa GGvern li jemmen bi sħiħ li l-familja hija s-sinsla tas-soċjetà Maltija u Għawdxija u familja b’saħħitha hija pajjiż b’saħħtu. 

Imma mhux il-familja biss ried li jkollna l-ekonomija b’saħħitha għax nafu li ekonomijia b’saħħitha sejra toffri karrieri ta’ opportunitajiet ta’ xogħol liż-żgħazagħ u lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Nafu wkoll li ekonomija b’saħħitha hija r-riżultat ta’ negozji żgħar u kbar li huma b’saħħithom u li jiffunzjonaw tajjeb. Jagħtu servizz u kontribut biex din r-rota ekonomika ddur u tħalli r-riżultati mixtieqa. 

Kien għalhekk ukoll li pproteġa lin-negozji tagħna mill-isplużjoni li kien hemm fil-prezzijiet tal-energija u tal-fjuwils. Bi pjan u sforz kollettiv erbaħna l-ġlieda biex stajna nikkontrollaw l-inflazzjoni. Dawn kienu żminijiet diffiċli li ġabu sfidi kbar magħhom. Żminijiet li kellna nieħdu deċiżjonijiet kbar ukoll. Illum nistgħu ngħidu li wettaqna u akkwistajna għall-poplu tagħna riżultati kbar li permezz tagħhom, anke fi żmien diffiċli u wara, il-poplu tagħna seta’ jgħix b’livell għoli ta’ ħajja.

Sfidi ġodda

Il-Gvern imexxi mill-Prim Ministru Abela jagħraf li dawn iż-żminijiet ġodda ħolqu sfidi ġodda. Dawn l-isfidi ġodda rridu nifaċċjawhom b’mod ġdid. Dan it-tkabbir b’saħħtu wassal ukoll għal sfidi, fosthom il-fatt li ż-żieda fid-domanda għall-ħaddiema barranin, ħolqot pressjonijiet ġodda fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Għax dan huwa Gvern sensittiv, jifhem it-tħassib tan-nies u se jkompli jaġixxi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex itejjeb is-sitwazzjoni preżenti kif ukoll biex jindirizza t-tħassib tal-poplu fuq is-suq tax-xogħol, l-ekonomija u t-turiżmu. Dan il-Gvern jaf li l-poplu tagħna jrid jiffoka iktar fuq il-kwalità u mhux il-kwantità. Għal dan il-Gvern, il-progress ma jitkejjilx biss fil-flus imma wkoll fuq il-livell ta’ serenità u trankwilità li kull individwu u l-maħbubin tiegħu jkunu qegħdin jgħixu.

Tajjeb li ngħidu li għal dan il-Gvern jidher ċar li l-iżvilupp ekonomiku għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u mhux inaqqasha. Huwa f’dan il-kuntest li tressaq il-Budget għas-sena 2025. Jidher ċar li l-Gvern qiegħed iħares lejn futur aħjar għall-poplu tagħna. Futur li jkompli jara dak li huwa l-aħjar għal Malta u Għawdex u jwettqu biex kull familja u kull persuna tkun tista’ tgħix aħjar.

Tnaqqis tat-taxxi, żidiet fis-soċjal u investiment fil-pajjiż

Dan il-Budget, bħal ħafna budgets li issa ilu jressaq Gvern Laburista għal dawn l-aħħar 11-il sena, huwa mfassal fuq tliet pilastri ewlenin – tnaqqis tat-taxxi, żidiet fis-soċjal u investiment fil-pajjiż.

Dan Budget ieħor fejn il-Gvern la fil-Budget u lanqas wara matul is-sena id-dieħla, m’huwa sejjer iżid l-ebda taxxa. Anzi, ħa miżuri storiċi li permezz tagħhom sejjer jibda jagħti lura lill-poplu tagħna. F’dan il-Budget storiku dan il-Gvern se jagħti tnaqqis fl-income tax lill-poplu tagħna, żidiet qawwija oħrajn fiċ-children allowance u se jkompli jagħti żidiet oħra fil-pensjonijiet tal-anzjani tagħna u pensjonijiet oħra.

Kwazi elfejn  ewro żieda għal kull familja fis-sena meta tikkalkula t-tnaqqis f’income tax kif ukoll ż-żidiet fiċ-children allowance. Bla dubju, għal ħafna familji, din hija ħaqq paga ta’ xahar ieħor dħul fis-sena.

Ma smajna xejn u ma rajna xejn mill-Oppożizzjoni…

Filwaqt li l-Gvern ressaq dan il-Budget u qiegħed jagħti din id-direzzjoni lejn futur ta’ kwalità ma smajna xejn u ma rajna xejn mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li trid tkun gvern alternattiv. Is-soltu l-partit fl-Oppożizzjoni li jrid l-ġid lill-pajjiż jagħmel id-dokument tiegħu bħala Pre Budget Document u f’dan id-dokument joffri l-proposti tiegħu għaċ-ċirkostanzi tal-lum. 

Dan id-dokument huwa okkażjoni fejn l-Oppożizzjoni turi kemm hija lesta li tmexxi u kemm għandha nies kapaċi li jagħrfu s-sitwazzjoni preżenti u jagħtu l-proposti tagħhom fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Jidher ċar li l-PN ma’għandu l-ebda idea ta’ x’seta’ għamel fi żmien tal-lum u ħaġa tal-għaġeb il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara li l-Ministru Caruana qara l-Budget għal din is-sena kienet dik li jrid iż-żieda fil-paga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Tal-għaġeb hux.

Sliem.

Ekonomija

Sport